Opinjoni

OPINJONI: Kemmuna: Il-poplu jixraqlu aħjar

Il-pjan ta’ ġestjoni ta’ Kemmuna suppost kien il-pedament biex nipproteġu wieħed mill-aħħar zoni naturali verament fraġli f’Malta

minn Luke Said
Kandidat
Partit Nazzjonalista

Wieħed mill-pilastri tiegħu – studju dwar kemm-il persuna tista’ żżur il-gżira mingħajr ma tniġġes jew tħammiġha – ilu lest, imma għadu moħbi.
L-ERA tgħid li hu “kunfidenzjali” għal raġunijiet tal-Kabinett. Iżda seba’ NGOs ambjentali diġà ressqu l-oġġezzjoni tagħhom: kif tista’ ssir politika serja, jekk l-informazzjoni bażika tinżamm mistura? Jekk lanqas nistgħu naraw in-numri, allura fuq liema bażi qed jinbnew id-deċiżjonijiet?

Tliet Ċifri, Gżira Waħda, u Bla Ftehim
In-nuqqas ta’ trasparenza wassal għal ċifra differenti kull darba li nistaqsu kemm nies iżuru l-Blue Lagoon fis-sajf. Il-Ministru Ian Borg qal 10,000 kuljum. L-MTA semmiet 12,000.
U f’laqgħa f’Novembru 2023, intqal li fl-iżjed ħinijiet ippopulati, iċ-ċifra laħqet is-6,000. Tliet numri differenti għal gżira daqshekk żgħira. Jekk ma nistgħux naqblu fuq il-bażiku, kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet?

Sistema ta’ Booking Mimlija Mistoqsijiet
Is-sit il-ġdid tal-booking jgħid li trid tagħżel fost tliet slots ta’ ħinjiet, turi QR code, u tilbes wristband—anke jekk inti resident. Imma fejn jidħlu l-campers? U dawk li jidħlu mill-Bajja ta’ Santa Marija? Il-lukanda u l-bungalows huma inklużi fil-limitu jew le?

Operaturi Żgħar Fi Krizi
Operaturi żgħar Għawdxin jgħidu li dan il-booking minn qabel se jeqridhom. Dawn jiddependu fuq il-bookings fl-istess jum u jġorru numru iżgħar ta’ passiġġieri. Iżda minflok jiġu protetti, qed ibatu. Dan waqt li l-vapuri kbar jistgħu jġorru sa 1,000 persuna f’ġurnata waħda. L-ekwità? Mhix qed tidher.

Slot Għas-Sunset… Bla Dgħajjes lura
Wieħed mill-“islots” hu bejn is-6 u d-9 ta’ filgħaxija. Problema waħda biss hemm: m’hemmx dgħajjes lura wara s-6pm. Għalhekk, trid, jew tgħumha lura, inkella torqod hemm bla permess. Il-konsegwenzi? Żieda f’ikkampjar illegali u ħsara lill-ambjent.

Limitu Li Mhux Limitu
Il-Ministru jgħid li 10,000 turist hu wisq, u allura tpoġġa limitu ta’ 4,000 persuna għal kull slot. Imma bi tliet slots kuljum, erġajna lura għal 12,000. Dan mhux limitu, imma rebranding. Ma hemm l-ebda sistema biex jiġi mmonitorjat kemm idumu n-nies. U barra minn hekk, ma ssemma xejn dwar dgħajjes privati.

Liġi fuq il-Karta, Mhux fuq il-Gżira
F’April 2025, f’risposta parlamentari, ġie kkonfermat li l-kjoskijiet f’Santa Marija Bay ma kinux irreġistrati mal-MTA fl-2023 jew fl-2024. Uppss… għax kulħadd ra b’għajnejh kjosk jopera s-sajf li għadda. Jekk il-liġijiet ma jiġux infurzati, huma sempliċi pariri.

Ħafna Burokrazija, Ftit Governanza
QR codes, wristbands u bins mhumiex politika ambjentali. Huma props. U l-ispettaklu? Illużjoni ta’ kontroll. L-enforcement hu daqshekk vag li lanqas taf x’inhu “viżitatur mhux awtorizzat.” U min hu responsabbli? LESA? TM? Il-Pulizija? Għadu ħadd ma jaf.

Tliet Problemi Ewlenin: Ċifri, Infurzar, u Spin
 Id-data hi mhux affidabbli — kif se nibnu pjan fuq ix-xejn?
 L-infurzar hu nieqes jew selettiv.
 Il-messaġġ dejjem jinbide l— 4,000? 6,000? Kull ġurnata jew kull slot?
X’Għandna Bżonn Nagħmlu?
 Noħorġu l-istudju dwar il-carrying capacity.
 Nippubblikaw lista ħajja ta’ bejjiegħa awtorizzati.
 Niddefinixxu z-zoni u l-limiti.
 Ninfurzaw il-liġijiet diġà eżistenti.

Ejja Nħarsu Madwarna
F’Santorini, hemm limitu 8,000 passiġġier kuljum b’mod trasparenti. Fil-Cinque Terre, hemm limiti fuq trails speċifiċi u sistema ta’ booking.
F’Maya Bay, fl-Indoneżja, tagħmel booking permezz ta’ app u tapplika limiti stretti — biex tipproteġi dak li għadu jista’ jitreġġa’ lura.

U f’Kemmuna?
L-ebda studju pubbliku. L-ebda infurzar konsistenti. U l-ebda volontà politika li tipproteġi gżira li m’hemmx oħra bħalha. Comino mhux brand. Mhux kampanja turistika. Hi ekosistema fraġli. U bħalissa, qed niġbduha lejn il-qerda.
Il-poplu jixraqlu aħjar. U l-liġi għandha tkun iktar minn suġġeriment ġentili.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Mejju, 2025.