Lokali

Peter Agius jospita Maltin li jbatu bil-kundizzjoni Coeliac fil-Parlament Ewropew biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom

Fi Brussell, bħala parti minn sforz biex titqajjem aktar kuxjenza u tiġi promossa aktar appoġġ fil-livell tal-UE għal dawk li jgħixu bil-kundizzjoni tas-Coeliac, il-MPE Malti Peter Agius ospita tliet nisa Maltin fil-Parlament Ewropew biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

Bernadette Agius, Marcette Ellul, u Tiziana Attard Pizzuto ġew mistiedna fi Brussell biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet dwar kif il-leġiżlazzjoni Ewropea tista’ tindirizza aħjar il-ħtiġijiet tal-persuni Coeliac madwar l-Istati Membri.

In-nisa ħadu sehem attiv f’sessjoni tal-Parlament Ewropew iffukata fuq id-dijanjosi u t-trattament tal-kundizzjoni Coeliac. Huma enfasizzaw sfidi bħal nuqqas ta’ tikkettar adegwat fuq l-ikel, dewmien fl-għajnuna medika, u nuqqas ta’ kuxjenza fil-qasam tal-ospitalità, l-ivvjaġġar, u s-settur pubbliku.

Bernadette Agius, l-ewwel persuna li qatt ġiet iddijanjostikata bil-kundizzjoni tas-Coeliac f’Malta, ħeġġet lill-leġiżlaturi biex jagħtu prijorità lit-tikkettar ċar u standardizzat tal-ikel bla glutina fuq il-prodotti kollha. “Kont iddijanjostikata sittin sena ilu, fi żmien meta ftit li xejn kien hemm kuxjenza dwar din il-kundizzjoni. Illum il-ġurnata, minkejja li l-pazjenti tas-Ceoliac żdiedu, għad fadal ħafna xi jsir,” qalet. “Kull prodott tal-ikel u tal-mediċina għandu jkollu simbolu ta’ qamħ maqsum jekk hu bla glutina, u simbolu mhux maqsum jekk ikun fih glutina — sabiex nies bħali ma jkollniex bżonn noqogħdu naqraw ingredjenti bil-lenti kull darba li mmorru nixtru.”

Marcette Ellul tat xhieda qawwija dwar l-isfidi ta’ kuljum li taffaċċja bħala persuna li hija kemm dijabetika kif ukoll Coeliac. “Kontaminazzjoni mhux xi dettall — hija periklu. Ma nistax sempliċement nevita l-ikel li fih il-glutina; irrid nevita kulma jkun mess magħha,” spjegat. “Meta noħroġ niekol jew nixrob mal-ħbieb, minflok ma jkun gost, isir piż, għax ħafna stabbilimenti mhumiex ippreparati għall-bżonnijiet tiegħi.”

Hija semmiet ukoll inġustizzja oħra li jaffaċċjaw il-Coeliacs li jivvjaġġaw: “Meta nivvjaġġa, ħafna drabi rrid inġorr miegħi ikel u mediċina speċjali li huma essenzjali għas-saħħa tiegħi. Madankollu, niġu mitluba ħlasijiet żejda biex inġorromhom fuq l-ajruplan, filwaqt li għal ħtiġijiet mediċi oħra jiġu offruti ċertu eċċezzjonijiet. Din il-politika tpoġġi piż finanzjarju inġust fuq nies bħalna.”

Id-delegazzjoni ressqet numru ta’ proposti prattiċi lill-Parlament, fosthom: tikkettar standardizzat tal-prodotti bla glutina madwar l-UE, taħriġ obbligatorju dwar intolleranzi tal-ikel għal ħaddiema fis-settur tal-ospitalità, titjib fil-proċessi ta’ dijanjosi, u skemi ta’ għajnuna aktar flessibbli għall-pazjenti – bħal trasferimenti diretti fil-bank flok vouchers ristrettivi.

Il-MPE Peter Agius saħaq fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni konkreta: “Ma nistgħux nibqgħu nissottovalutaw l-ostakli ta’ kuljum li jaffaċċjaw iċ-ċeljaki. Dan huwa kwistjoni ta’ dinjità u ugwaljanza fl-aċċess għall-ikel, is-saħħa, u l-ħajja pubblika. Jien impenjat li naħdem fil-livelli tal-istituzzjonijiet tal-UE biex nimbotta għal tikkettar iktar ċar, riforma fl-għajnuna finanzjarja, u edukazzjoni għall-persunal tal-ikel madwar l-Ewropa.”

Iż-żjara ssegwi konsultazzjoni nazzjonali li saret f’Malta x-xahar li għadda ma’ aktar minn 35 persuna li jgħixu bil-kundizzjoni. Wara din il-laqgħa, Agius ippropona diversi inizjattivi sabiex jiġu inklużi fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista, inklużi vouchers skont l-inflazzjoni, iktar eligibbilità għal prodotti, u riforma fl-etikettar tal-ikel ikkoordinata mill-UE.

Din l-inizjattiva timmarka pass kruċjali lejn vuċi aktar b’saħħita għal dawk li jgħixu bil-kundizzjoni Coeliac fil-livell Ewropew, u biex is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tagħhom jiġu rikonoxxuti bħala prijorità fil-politika pubblika.