Lokali

Robert Abela għażel li jgħaddi romblu minn fuq l-Għargħurin

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-mod kif Robert Abela llejla għażel li jgħaddi romblu minn fuq ir-residenti ta’ Ħal Għargħur meta, b’mod mill-aktar anti-demokratiku, il-Partit Laburista għadda vot ta’ sfiduċja fis-Sindku tal-lokalità Helen Gauci.

Fl-elezzjoni ta’ Ġunju li għadda, Gauci waħidha ġabet voti aktar milli ġabu f’daqqa ż-żewġ Kunsillieri Lokali Laburisti u l-Kunsilliera Indipendenti li ressqu l-mozzjoni ta’ sfiduċja kontriha.

Madankollu, f’attakk fuq id-demokrazija instigat biss minn għanijiet purament politiċi u orkestrat mill-Partit Laburista, illum il-Labour ta’ Robert Abela ttradixxa l-interessi tal-Għargħurin biex jieħu f’idejh it-tmexxija ta’ dan il-Kunsill Lokali kontra r-rieda tal-maġġoranza. Wara li ħataf l-istituzzjonijiet, Abela issa qed jaħtaf ukoll Kunsill b’maġġoranza tal-PN, basta jikkmanda hu.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li 11-il xahar ilu, il-Kunsillieri Lokali eletti f’ismu kisbu maġġoranza ċara u assoluta ta’ aktar minn 62% tal-voti fl-elezzjoni li saret għall-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għargħur. Is-Sindku waħidha ġabet 869 vot, jew 43% tal-voti, bil-Kunsillieri li neħħewha mill-kariga jġibu 783 vot bejniethom.

Imma bil-manuvri li saru fl-aħħar jiem u li laħqu l-qofol tagħhom illejla bl-approvazzjoni tal-ogħla tmexxija tal-Partit Laburista, din ir-rieda tal-maġġoranza issa ma għadhiex riflessa fit-tmexxija tal-Kunsill ta’ Ħal Għargħur.