Futbol Sport

Sampdoria relegat għas-Serie C għall-ewwel darba fl-istorja

Sampdoria kienu uffiċjalment relegati għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb, għas-Serie C, wara li temmew fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Juve Stabia fl-aħħar partita tal-istaġun.

Huma temmew fit-18-il post, punt wara Salernitana li minn naħa tagħhom se jkunu qed jilagħbu l-play-off biex iżommu posthom fis-Serie B.

It-tim ta’ Sampdoria għandu storja twila fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Taljan fejn rebħu wkoll is-Serie A fl-1991. Huma kienu relegati għas-Serie B fl-2023. Fl-istaġun ta’ wara, Andrea Pirlo kien ħa t-tmexxija tal-klabb iżda kien falla milli jwassal lil Sampdoria lura fis-Serie A wara li tilef il-play-offs.

Warajh mexxa lill-klabb Andrea Sottil fejn tkeċċa f’Ottubru tal-2024 wara li kiseb erba’ rebħiet minn 14-il partita fejn floku beda jmexxi t-tim Leonardo Semplici.

F’April li għadda l-klabb ukoll iddeċieda li jneħħi lil Semplici wara li l-partitarji daru kontra wara t-telfa ta’ 3-0 kontra Frosinone. Postu ħadu Alberico Evani fejn minkejja li kellu bidu tajjeb b’rebħa fuq Cittaddella, minkejja dan, tliet draws, telfa u rebħa oħra ma kinux biżżejjed biex iżommu lil Sampdoria fis-Serie B.

Dan jista’ jitqies bħala staġun diżastruż għal dan il-klabb hekk kif minbarra l-iskwadra ewlenija anke l-iskwadra tat-tim tan-nisa u tal-Primavera sfaw relegati.