Futbol Sport

Taiwo Awoniyi jitpoġġa f’koma artifiċjali

L-attakkant ta’ Nottingham Forest Taiwo Awoniyi tpoġġa f’koma artifiċjali wara li t-Tnejn saritlu l-ewwel fażi tal-operazzjoni f’żaqqu. Dan wara li fil-partita ta’ nhar il-Ħadd li għadda kontra Leicester, Awoniyi kien involut f’inċident fejn ħabat żaqqu mal-lasta.

Minkejja dan, il-plejer xorta waħda kompla l-partita. It-tieni fażi tal-operazzjoni mistennija titkompla llum.

Wara l-istess partita, is-sid tal-klabb ta’ Nottingham Forest, Evangelos Marinakis niżel fil-grawnd fejn deher jargumenta mal-kowċ Nuno Espirito Santo talli ħalla lil Awoniyi fil-grawnd minkejja li deher li ma setax ikompli jilgħab.

Taiwo Awoniyi kien strumentali biex Nottingham Forest jirritornaw jilagħbu fil-Premier League fejn s’issa mal-klabb hu lagħab 83 partita u skorja 19-il gowl.