Lokali

Żieda ta’ passiġieri fl-2024 fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ kważi 9 miljun passiġġier fl-2024; żieda ta’ 14.8% fuq is-sena ta’ qabel. Din kienet it-tielet l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-istorja tal-ajruport… li kien inbena fil-bidu tas-snin disgħin b’investiment qawwi minn Gvern Nazzjonalista.

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MIA, issemma’ r-ritorn tal-Qatar Airways, li se terġa’ tibda ttir lejn Malta minn Lulju.

Tħabbar li l-MIA irreġistrat profitt ta’ €46.3 miljun minn dħul ta’ €142.9 miljun. Fl-istess waqt, l-impjegati żdiedu bi 13%, b’żieda fil-pagi u fl-ispejjeż operattivi.

L-MIA ħabbret programm ta’ investiment ambizzjuż ta’ €345 miljun li se jinfirex sal-2029. Dan jinkludi mal-€200 miljun fl-infrastruttura tal-ajruport, €110 miljun fi proġetti kummerċjali, u €24 miljun f’inizjattivi relatati mas-sostenibbiltà.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg, spjega li l-proġett ta’ espansjoni tat-terminal mhux biss jindirizza l-ħtiġijiet operattivi, iżda jagħti wkoll importanza lill-identità arkitettonika Maltija.

L-arkati li ser jintużaw għandhom tliet funzjonijiet ewlenin: jipprovdu kontinwità viżiva, joħolqu spazji bid-dell għall-passiġġieri, u jonoraw l-istil tradizzjonali Malti. Il-ġebla tal-franka se tintuża biex jinżamm dan il-karattru Malti.

Fost il-proġetti ewlenin hemm APRON 8, faċilità ġdida għall-parkeġġ tal-ajruplani li ser tidħol fis-servizz għada. Fl-istess ħin, ġie konkluż investiment ta’ €4.5 miljun f’VIP Terminal ġdid li se jiftaħ fil-jiem li ġejjin.

SkyParks 2 se jibda l-kostruzzjoni dan ix-xahar u hu ppjanat li jitlesta sal-2027, bi spazji kummerċjali u lukanda li jkomplu jsaħħu r-rwol tal-ajruport bħala ċentru ta’ attività ekonomika u ta’ kwalità għolja.