Futbol Sport

Ajax jarmu vantaġġ ta’ disa’ punti f’ras il-klassifika biex issa kważi tilfu l-Kampjonat Olandiż

Diżappunt f'wiċċ il-plejers ta' Ajax, fit-tmiem tal-partita li ntemmet 2-2 kontra Groningen.
Diżappunt f'wiċċ il-plejers ta' Ajax, fit-tmiem tal-partita li ntemmet 2-2 kontra Groningen.

Fl-Olanda, Ajax qed jgħixu trawma kerha hekk kif ilbieraħ l-Erbgħa tilfu posthom f’ras il-klassifika tal-Eredivisie, u b’partita waħda mit-tmiem tal-Kampjonat domestiku, huma qed jirriskjaw tassew li jitilfu r-rebħ tat-titlu ta’ champions tal-Olanda.

Fl-aħħar erba’ partiti tal-Eredivisie, l-iskwadra mmexxija mill-kowċ żagħżugħ Taljan, Francesco Farioli ma rebħet ebda partita, u minn vantaġġ li kellhom ta’ disa’ punti fuq PSV f’nofs April li għadda, issa dan id-distakk sar duħħan wara li lbieraħ temmew fi draw ta’ 2-2 kontra Groningen, f’partita li kienu qed jilagħbu barra minn dahrom.

Ajax kienu qed jirbħu 2-1 u sofrew il-gowl tad-draw mill-avversarji, disa’ minuti fuq id-90 minuta, b’konklużjoni taż-żagħżugħ ta’ 20 sena, Thijmen Blokzijl. Dan il-gowl tad-draw saħansitra wasal wara li Goningen spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers fil-pitch għat-tkeċċija ta’ Luciano Valente, sitt minuti qabel il-gowl tal-parita.

Il-gowl ta’ Blokzijl għamilha impossibli għal Ajax biex ippattu għalih, u bl-eqreb avversarji tagħhom, PSV kienu qed jistennew żelqa oħra minn Ajax biex jitilgħu f’ras il-klassifika, iċ-champions Olandiżi tal-istaġun li għadda, ħatfu l-opportunitá biex jitilgħu f’ras il-klassifika b’rebħa ta’ 4-1 kontra Heracles.

PSV leaders tal-Eredivise b’logħba waħda mit-tmiem tal-Kampjonat

PSV kienu qed jilagħbu f’dahrom, bl-Amerikan Malik Tilman u l-Marokkin Ismael Saibari skorjaw żewġ gowls kull wieħed biex wittew it-triq għal tliet punti oħra minn PSV, liema riżultat issa qed jara lit-tim taħt it-tmexxija teknika ta’ Peter Bosz fl-ewwel post tal-klassifika, b’punt wieħed vantaġġ fuq Ajax, u b’logħba waħda mit-tmiem tal-Eredivisie.

PSV jiċċelebraw wieħed mill-erba’ gowls fir-rebħa li kellhom ilbieraħ fil-Kampjonat, bl-iskor ta’ 4-1 kontra Heracles.

F’kaz li Ajax jonqsu milli jirbħu dan il-Kampjonat, huma se jkunu għamlu l-impossibli possibli, għaliex ikunu ramew ir-rebħ tal-Kampjonat Olandiż bl-aktar mod redikolu, wara li mill-aħħar ħames partiti li kien għad baqgħalhom x’jilagħbu fl-Eredivisie, Ajax kellhom bżonn sitt punti biex ikunu matematikament champions tal-Olanda għas-37 darba fl-istorja tal-klabb.

Iżda issa din il-possibiltá li sa ftit tal-ġimgħat ilu kienet kważi ċertezza, saret bil-wisq improbabbli wara li ma rebħux logħba waħda mill-aħħar erba’ partiti li lagħbu.

Partitarji ta’ Ajax, jesprimu d-diżappunt tagħhom fit-tmiem tal-logħba kontra Groningen fejn bid-draw ta’ 2-2, issa m’għadhomx fil-kmand tal-klassifika tal-Kampjonat Olandiż.