Lokali

Alison Zerafa Civelli tapprova l-mossa antidemokratika tal-Kunsilliera Laburisti fil-lokalità tal-Għargħur

Il-voti jitkellmu weħidhom.

It-talba tar-residenti hija ċara.

Madanakollu minkejja x-xewqa tar-residenti tal-Għargħur, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli ma tara xejn ħażin li l-Labour seraq it-tmexxija ta’ dan il-Kunsill Lokali.

F’risposti li tat lil Net News – apparti li kienet fattwalment skorretta – hi żeffnet fin-nofs anke Kunsilli oħrajn. Tant li spiċċat tattakka t-tmexxija tal-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ, li jinsab immexxi mis-Sindku indipendenti Steve Zammit Lupi.

L-Erbgħa filgħaxija għaddiet il-mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku tal-Partit Nazzjonalista Helen Gauci; mozzjoni mressqa mill-Kunsillieri tal-Partit Laburista u bil-barka tal-ogħla uffiċjali fl-amministrazzjoni tal-Labour – sabiex issa s-Sindku l-ġdid se tkun il-kunsilliera tal-Labour Mariah Meli.

U minkejja l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Helen Gauci, Mariah Meli stqarret li għalissa m’hemm ebda evidenza li fuqha huma bbażati s-suppost allegazzjonijiet li qed isiru.

Helen Gauci sa inqas minn sena ilu kisbet mat-800 vot; li huwa iktar minn kemm ġabu voti l-kunsilliera kollha li vvutaw favur il-mozzjoni kontriha.

Intant, wara dan kollu, tul il-jum tal-Ħamis il-Kunsill tal-Għargħur żamm il-bini tal-kunsill magħluq minħabba dak li iddekriva “kwistjonijiet amministrattivi”.