Kompla, fl-aħħar sigħat, il-qtil sistematiku tal-Palestinjani taħt idejn il-qawwiet Iżraeljani fost rapporti li ‘il fuq minn 100 oħra – fil-parti kbira nisa u tfal – tilfu ħajjithom waqt mewġa ta’ azzjonijiet militari….Sitwazzjoni li qed iżżid kontinwament maċ-ċifra tal-mejtin katastrofika f’Gaza li ilha ġġarrab il-bumbardamenti bla heda għal madwar sena u nofs.
Il-kelliema Palestinjani qalu wkoll li l-aħħar attakki tal-Iżraeljani qed jirriflettu ‘sistema speċifika ta’ gwerra fejn il-qafas soċjali ta’ Gaza – aktar milli l-entitajiet militari tal-grupp Ħamas – qed jispiċċa mira ewlenija għall-qawwiet ta’ Iżrael’…Huma komplew li Iżrael qed jidher determinat biex, akkost ta’ kollox, jeqred il-komunitajiet tal-Palestinjani li ilhom jgħixu f’Gaza għal ħafna snin.
L-aħħar attakki qattiela fuq Gaza saru fi żmien meta l-Palestinjani qed jimmarkaw is-77 anniversarju ta’ Nakba (Katastrofi), meta ‘il fuq minn 750,000 Palestinjani, fl-1948, kienu sfaw imkeċċija minn arthom, bil-forza, fost it-theddid mill-gruppi tal-paramilitari Żijonisti u fi żmien meta kien qed jitwaqqaf l-Istat ta’ Iżrael.
L-aħħar rejds tal-Iżraeljani, matul il-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, irriżultaw f’aktar minn 60 vittma – fosthom ħafna tfal — fil-belt ta’ Khan Younis lejn in-nofsinar ta’ Gaza. L-Iżraeljani anki wettqu attakki speċifiċi fuq il-Belt ta’ Gaza u l-belt ta’ Jabalia, lejn in-naħa ta’ fuq tat-territorju,.
F’dawn il-jiem ta’ dmija qed jintensifikaw l-attakki mill-ajru fuq iz-zoni residenzjali tal-Palestinjani u fost akkużi li l-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael ‘immiraw speċifikament u mingħajr l-ebda twissija’ għad-djar taċ-ċivili f’Khan Younis… Dan bir-riżultat li familji sħaħ ta’ Palestinjani sfaw maqtula waqt li kienu reqdin fir-residenzi tagħhom.
Is-sitwazzjoni fl-ibliet ta’ Gaza, intant, qed issir aktar kaotika u meta kienu qed isiru l-kalkuli tal-vittmi tar-rejds fuq il-kamp għar-refuġjati f’Jabalia u z-zoni tal-madwar. Dan waqt li l-iskwadri għad-difiża ċivili kienu qed isibuha diffiċli biex isalvaw lill-familji maqbudin taħt il-fdalijiet tad-djar meqruda mill-missili tal-Iżraeljani.
L-aħħar attakki fuq iz-zoni residenzjali ta’ Gaza, sadanittant, qed jikkaġunaw kriżi ġdida ta’ refuġjati, b’eluf ta’ Palestinjani jaħarbu mill-Belt ta’ Gaza…Dan wara li l-militar Iżraeljan ħareġ direttivi għall-evakwazzjoni ordnata taċ-ċivili minn din il-belt bħala parti mill-kampanja teigħu kontra t-terroristi tal-Ħamas fl-inħawi.
//= $special ?>