Rapport ippubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa minn Grant Thornton u Dhalia jgħid li dar li fl-2013 kienet tiswa madwar €150,000 issa qed tinbiegħ bi prezz medju ta’ €337,500. Żieda ta’ 125%– aktar mid-doppju – fuq medda ta’ 12-il sena.
Din hi r-realtà iebsa li qed jiffaċċjaw il-Maltin u l-Għawdxin illum.
Din is-sitwazzjoni trid tiġi inkwadrata wkoll fid-dawl tal-fatt li l-pagi tal-Maltin għolew b’ferm u ferm inqas mir-rata li biha għoliet il-proprjetà. Fl-istess perjodu ta’ 12-il sena, waqt li l-prezz tal-proprjetà żdied b’125%, il-paga minima żdiedet bi ftit aktar minn 35%.
Dan qed iwassal għal sitwazzjoni fejn koppji żgħażagħ, familji li jixtiequ jixtru l-ewwel dar tagħhom, u ħafna oħrajn qed isibu ruħhom esklużi minn suq tal-proprjetà li dejjem inqas nies qed jaffordjaw li jidħlu fih.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Ivan Bartolo, ix-Shadow Minister għall-Familja Albert Buttigieg, u x-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello saħqu li dan hu falliment dirett tal-politika tal-Gvern Laburista. Gvern li fi 12-il sena qatt ma ħa l-passi meħtieġa biex jindirizza b’mod serju l-problema tal-affordabbiltà tal-proprjetà.
Is-sitwazzjoni hi kritika wkoll fis-suq tal-kiri. Għal ħafna li ma jistgħux jixtru, il-kera saret l-unika għażla. Iżda anke hawnhekk, il-prezzijiet għolew b’rata qawwija. Il-konsegwenza hi li mijiet ta’ familji qed jgħixu taħt stress finanzjarju kontinwu u f’ċirkostanzi li mhumiex xierqa.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li kulħadd għandu jkollu d-dritt għal dar xierqa u affordabbli u fassal diversi miżuri biex kulħadd jasal għal dan:
- Għotjiet u skemi ta’ għajnuna għal min ikun qed jixtri l-ewwel dar;
- Tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xiri ta’ proprjetà għal min ikun għadu taħt ċerta età;
- Skemi ta’ self b’rati aktar favorevoli għall-ewwel xiri;
- Pjanijiet biex jinħolqu aktar proprjetajiet affordabbli f’zoni apposta għall-ewwel xiri;
- Għotja ta’ €25,000 lil dawk iż-żgħażagħ li jkunu qed jixtru l-ewwel dar tagħhom;
- Kollaborazzjoni mal-banek biex jipprovdu self b’rati aktar favorevoli u f’termini aktar flessibbli għal min qed jixtri l-ewwel proprjetà;
- Titneħħa jew titnaqqas drastikament it-taxxa fuq l-ewwel €200,000 tal-valur tal-proprjetà għal dawk li qed jixtru l-ewwel dar tagħhom;
- Ikunu identifikati artijiet pubbliċi biex jinbnew zoni apposta għal proprjetà affordabbli, li tkun immirata għal dawk li qed ifittxu l-ewwel dar tagħhom;
Dawn il-miżuri għandhom l-għan jgħinu anke liż-żgħażagħ tagħna li llum minħabba l-prezzijiet li ma jifilħux għalihom, qed jispiċċaw idumu ħafna aktar snin jgħixu mal-ġenituri.
Irridu wkoll inħarsu l-lokalitajiet tagħna li qed jitilfu ħafna mill-identità tagħhom u rridu nippreservaw dak li jagħmilna Maltin anke permezz tal-iżvilupp li nagħmlu.
Il-PN jemmen f’politika li ddur mal-bniedem għax kull persuna għandha dritt għal ħajja ta’ kwalità.



Ritratti: Martin Agius
//= $special ?>