Waqt il-laqgħa tal-bieraħ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament, ir-rappreżentanti tal-Gvern waqqfu lill-Kumitat milli jkompli jisma’ x-xieda tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech u vvutaw kontra li dan ikompli jixhed f’seduta oħra tal-Kumitat il-ġimgħa d-dieħla.
Id-Deputati tal-Gvern ħadu din il-pożizzjoni wara laqgħa mqanqla fejn huma għamlu minn kollox biex ifixklu l-proċeduri biex Johann Grech ma jweġibx għall-mistoqsijiet li sarulu mir-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat.
F’din il-laqgħa spikka l-fatt li Johann Grech naqas milli jwieġeb fuq diversi aspetti tan-nefqa minn fondi pubbliċi.
Pereżempju, naqas milli jgħid kemm kienet in-nefqa fuq film ta’ għaxar minuti fejn hu kien ukoll wieħed mill-atturi. Grech semma l-figura ta’ €560,000, iżda ma kienx ċar jekk din kinetx in-nefqa totali u finali.
Meta mistoqsi fuq id-diskrepanza ta’ €7 miljun bejn in-nefqa rikorrenti fil-Budget 2024 u dak li fil-fatt ġie mitlub mill-istess Kummissarju, Johann Grech ma setax iwieġeb.
Naqas ukoll milli jwieġeb fuq dak li jissemma fir-rapport tal-Awditur Ġenerali fejn il-Kummissarju talab li jonfoq €24 miljun biex isiru tliet sound stages, uffiċini, tank fond u ieħor baxx, workshops u binjiet anċillari biex jingħataw servizzi oħra. Mhux talli minn dan kollu ma sar xejn, imma talli meta ppreżenta d-disinn (mingħajr costings) ta’ sound stage wieħed, il-Kummissarju tal-Films naqas milli jispjega kif saru s-sejħiet għad-disinn u min għamilhom.
F’laqgħa li fiha spikkat il-pompa tal-Kummissarju tal-Films u n-nefqa eżaġerata f’materjal li ġie ppreparat apposta għall-Membri tal-Kumitat, kien ċar li Grech, taħt ġurament, kien qed jaħrab milli jwieġeb il-mistoqsijiet li sarulu.
Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-attitudni tal-Kummissarju tal-Films, l-abbuż mid-Deputati tal-Gvern biex iwaqqfu l-investigazzjoni li ntalbet min-naħa tad-Deputati tal-PN u l-isforz ċar biex tinħeba kull informazzjoni mill-pubbliku fuq fondi li ġejjin mit-taxxi tal-poplu.