Lokali

Il-konnettività bejn il-gżejjer għal darba oħra tinsab f’sitwazzjoni vulnerabbli

Studenti, ħaddiema, pazjenti, residenti Għawdxin – wara ġurnata xogħol, dawn kollha qed jispiċċaw jibqgħu l-art minħabba n-nuqqasijiet fis-servizz bejn iż-żewġ gżejjer.

Bħalissa l-vapur Nikolaos jinstab wieqaf għall-manutenzjoni. U kienu bosta l-Għawdxin li fuq il-midja soċjali esprimew sens ta’ rabja u frustrazzjoni hekk kif l-iskeda mhux qed timxi mal-ħinijiet, u qed tittardja b’mod esaġerat.

Anke l-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, permezz ta’ stqarrija, uriet it-tħassib serju tagħha rigward is-sitwazzjoni preżenti fil-portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa. Huma qalu li għalkemm is-sitwazzjoni f’dawn iż-żewġ punti kritiċi laħqet il-limitu tagħha, u ħafna konsegwenzi negattivi ġew evitati tul il-snin permezz ta’ koordinazzjoni estensiva bejn l-entitajiet konċernati, id-docking tan-Nikolaos sad-19 ta’ Mejju reġa’ wera kemm Għawdex huwa vulnerabbli.

Il-Gozo Business Chamber qalet li l-Gvern jeħtieġ jirrikonoxxi li Għawdex jiddependi totalment fuq il-Port tal-Imġarr u fuq is-servizz li jipprovdi l-Gozo Channel. Dan is-servizz huwa wieħed essenzjali u vitali, kemm għall-ekonomija kif ukoll għall-komunità Għawdxija.

In-nuqqas ta’ ppjanar u ħsieb fit-tul li qed jaffettwaw kemm l-infrastruttura kif ukoll il-kwalità tas-servizz, jagħtu sinjal ċar li Għawdex mhux qed jingħata l-prijorità li jistħoqqlu.

Huma qalu li Għawdex jistħoqqlu ħsieb strateġiku serju, ippjanar fit-tul, u attenzjoni konkreta fil-kuntest nazzjonali. Dan jgħodd ukoll għas-servizz tal-vapuri, fejn anke bl-operat tan-Nikolaos, xorta hemm il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mod ta’ kif qed joperaw il-vapuri u jkun hemm investiment adegwat.

Intant, il-kumpanija Gozo Channel – permezz ta’ stqarrija – xeħtet it-tort tad-dewmien li kien hemm riċentament fuq direttivi li ġew mogħtija min-naħa tal-UHM. Biex b’hekk provat tfarfar mill-problemi kbar li qed jaffaċċjaw l-Għawdxin bħalissa.