Internazzjonali

Il-Libja: Inkwiet dwar ir-residenti fi Tripli wara l-akbar battalji għal snin fil-kapitali

Il-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal Libja (UNSMIL) qed tesprimi allarm kbir dwar il-vjolenza li eskalat qalb iz-zoni residenzjali ta’ Tripli. Dan fost is-sejħiet għall-kalma u biex il-gruppi armati fil-kapitali Libjani jevitaw eskalazzjoni tal-inkwiet.

L-agħar vjolenza fi Tripli għal snin splodiet fil-bidu tal-ġimgħa u fejn spikkaw il-battalji fit-toroq bejn il-gruppi armati rivali. Battalji li jidhru li kkonsolidaw il-poter ta’ Abdulhamid Al Dbeibah, il-Prim Ministru tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali u alleat tat-Turkija.

Il-Libja ilha s-snin pajjiż mifrud u għalkemm il-ġlied fil-kapitali jidher li kkalma xi ftit, l-osservaturi barranin huma inkwetati tassew dwar is-sitwazzjoni.

Dan ukoll wara li l-Gvern Libjan ħabbar waqfien mill-ġlied li jista’ jkun biss wieħed temporanju fiċ-ċirkustanzi – u meta l-awtoritajiet ma ħarġu l-ebda stqarrijiet uffiċjali dwar il-mejtin u midruba b’riżultat tal-battalji li kienu ilhom għaddejjin fil-kapitali nhar it-Tnejn, wara l-qtil ta’ kap ewlieni ta’ grupp tal-milizji Libjani.

Intant, is-sitwazzjoni fil-kapitali, għalissa, qed tkun imfissra bħala ‘fluwida u imprevedibbli’.

L-aħħar rapporti mil-Libja qalu li l-qawwiet regolari, b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet tas-sigurtà relevanti, kienu qed jieħdu l-miżuri neċessarji biex jaċċertaw il-kalma fi Tripli – bil-Ministeru Libjan għad-Difiża anki jibgħat taqsimiet tal-pulizija biex jissorveljaw l-aktar siti sensittivi ta’ din il-belt.

Mifhum ukoll  li, fiċ-ċirkustanzi, il-ħaddiema Maltin mal-kumpaniji li huma involuti fi proġetti fil-Libja huma kollha qawwijin u sħaħ u li huma qed jimxu skont id-direttivi tas-sigurtà mill-awtoritajiet kompetenti.

Sadanittant, kwalunkwe battalji ġodda fil-kapitali Libjana kapaċi anki ‘jattiraw’ is-sehem tal-gruppi armati oħrajn minn barra Tripli – speċjalment f’sitwazzjoni fejn il-ġlied iġebbed għat-tul taż-żmien.

U sitwazzjoni bħal din anki għandha twassal għal eskalazzjoni akbar ta’ vjolenza bejn il-gruppi armati ewlenin fil-Libja, wara xhur ta’ kalma relattiva.

Skont ir-rapporti, l-agħar inċidenzi tal-ġlied kienu bejn il-Brigata 444 li tappoġġja lil Abdulhamid Al Dbeibah, u l-Qawwa Speċjali għal Deterrent magħrufa bħala ‘Rada’ li hi l-aħħar entità armata fi Tripli li ma tiffurmax parti mill-alleanza madwar il-Prim Ministru Libjan.

Inqala’ wkoll il-ġlied qalb iz-zoni lejn il-Punent ta’ Tripli li, tul is-snin, servew bħala aċċess għall-gruppi armati mill-belt ta’ Zawiya, li tinsab lejn il-Punent tal-kapitali.

Ir-residenti fi Tripli, fl-aħħar sigħat, esprimew il-biża’ dwar il-ġejjieni wara li huma qattgħu l-aħħar ġranet imsakkrin fi djarhom waqt l-isplużjoni tal-vjolenza. Is-sitwazzjoni, fl-istess ħin, kienet imfissra bħala ‘r-riżultat ovvju ta’ ġimgħat ta’ tensjoni kbira bejn il-gruppi armati rivali fil-kapitali Libjana.’

Il-familji residenti fil-kapitali rrakkuntaw dwar is-sentimenti ta’ disprament u twerwir li għaddew minnu meta l-battalji kienu qed jieqfu għal ftit qabel komplew b’furja u intensità ħafna akbar – u għal sigħat sħaħ.

ll-Libja ftit li xejn gawdiet l-istabbilità minn wara r-rewwixta tal-2011, appoġġjata min-NATO, kontra l-eks-dittatur Libjan, Muammar Gaddafi.