Alex Borg, PN
“In-nuqqas ta’ ppjanar u ħsieb fit-tul li qed jaffettwaw l-infrastruttura kif ukoll il-kwalità tas-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex jagħtu sinjal ċar li Għawdex mhux qed jingħata l-prijorità li jistħoqqlu”.
Kliem il-Gozo Business Chamber li jirrifletti preċiż dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista. L-Għawdxin qed iħossu li Għawdex intelaq għal riħu u li l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport li qed isir f’Malta mhux qed isir f’Għawdex.
Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, fl-istqarrija tagħha, stqarret li l-Port tal-Imġarr ilu mhux ilaħħaq mal-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-komunità u tal-ekonomija Għawdxija, u li minkejja ż-żieda tal-MV Nikolaos, xorta hemm nuqqasijiet serji fl-ippjanar u fl-operat. Il-ħtieġa urġenti ta’ investiment serju fil-konnettività dehret aktar fl-aħħar jiem hekk kif in-Nikolaos għandu sad-19 ta’ Mejju wieqaf mis-servizz.
Il-Kamra talbet ukoll għal kontrolli serji fil-ħruġ tal-passes biex persuna taqbeż il-kju biex tirkeb il-vapur bil-vettura.
Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-Gozo Business Chamber u jappella għal:
· Investiment serju, ippjanat u strateġiku fl-infrastruttura tal-Port ta’ Għawdex;
· Trasparenza sħiħa dwar il-ħruġ tal-passes biex jinqabeż il-kju;
· Użu aktar effiċjenti taz-zoni tal-kju fiċ-Ċirkewwa;
· Espansjoni u titjib tas-servizz tal-fast ferry biex l-Għawdxin ma jibqgħux jitwarrbu fil-pajjiż tagħhom stess.
Il-PN jemmen li l-konnettività bejn Malta u Għawdex m’għandhiex tibqa’ fil-qiegħ nett tal-prijoritajiet tal-Gvern. Għawdex u l-Għawdxin jistħoqqilhom pjan urġenti u serju għal investiment fl-infrastruttura u servizz ta’ konnetività effiċjenti. Dan biex min jivvjaġġa bejn iż-żewġ gżejjer ikun jista’ jagħmel dan b’aktar kumdità u biex l-attività kummerċjali tkun tista’ tikber mingħajr tfixkil.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar dan, u jsostni li s-servizz bil-baħar bejn Malta u Għawdex jinħtieġ flotta ġdida ta’ vapuri moderni li jilħqu l-istandards ambjentali u tas-sigurtà internazzjonali.
Li hu żgur l-aktar urġenti hu li l-Gvern jinvesti kemm jista’ jkun malajr f’vapur ġdid li jieħu post in-Nikolaos li minkejja li għandu 36 sena qed jinkera bi spiża ta’ eluf ta’ ewro kuljum minbarra l-ispiża tal-fuel. Il-PN qed jappella wkoll biex isir studju serju dwar il-possibbiltà tal-ħames vapur li jkun iddedikat esklussivament għat-trasport tal-merkanzija.
Fejn jidħol investiment fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, il-passat tal-PN huwa garanzija għall-futur.
//= $special ?>