Il-qattiel tal-ġojjellier li kien imexxi ħanut fiż-Żurrieq ġie kundannat 32 sena ħabs mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Mohamed Anas Boualam ta’ 37 sena ammetta l-qtil tal-ġojjellier fiż-Żurrieq Joseph Carabott, li miet ix-xahar li għadda, aktar minn sena wara li kien imsawwat brutalment f’attentat ta’ serq.
Mohamed Anas Boualam ammetta li ripetutament sawwat lil Carabott f’wiċċu b’manku ta’ sikkina waqt l-attakk f’Awwissu tal-2023. Il-Marokkin ammetta l-qtil, arrest illegali u serq. Carabott qatt ma rkupra minn ħsara fil-moħħ u miet ix-xahar minħabba pnewmonja marbuta mal-ġrieħi li ġarrab. Wara l-mewt tiegħu l-akkużi nbidlu f’dik ta’ attentat ta’ feriti gravi segwiti bil-mewt.
Ibnu, meta xehed waqt il-proċeduri kien qal li l-istat ta’ missieru kien ta’ wieħed “agħar minn mejjet.” Il-koakkużat tiegħu, Zouhair Hadoumi ta’ 28 sena, qed ikompli jiċħad l-akkużi filwaqt li Donna Sciberras, kienet ammettiet ir-rwol tagħha u kienet ikkundannata 28 sena ħabs.
Hija kienet xehdet kontra l-koakkużati tagħha, u qalet lill-Qorti li Hadoumi niżżel ma’ l-art lill-ġojjellier filwaqt li Boualam sawtu ripetutament f’wiċċu b’manku ta’ sikkina kbira. Hadoumi mbagħad beda jagħti bis-sieq lil Carabott fil-kustilji u f’rasu, kienet qalet Sciberras waqt l-ammissjoni tagħha, u ddeskriviet il-vjolenza li ntużat bħala “xi ħaġa tal-biża’”.
Boualam u Hadoumi meta tressqu l-Qorti kienu wieġbu mhux ħatja ta’ ġrieħi gravi, żammew lill-vittma kontra r-rieda tiegħu, ġarrew sikkina waqt li kienu qed iwettqu r-reat, ħsara volontarja lil proprjetà ta’ terzi u rrifjutaw li jobdu ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
Iżda Boualam ammetta l-akkużi wara li l-maġistrat spjegat lill-akkużat li l-akkużi kienu qed jinbidlu. Hija qaltlu li l-piena għal omiċidju intenzjonat titla’ għal għomor il-ħabs filwaqt li ta’ 30 sena ta’ omiċidju gravi u attentat, arrest illegali bejn 13-il xahar u sitt snin fuq serq iwassal sa disa’ snin.
Meta l-Qorti staqsietu darba oħra dwar l-ammissjoni tiegħu, Boualam qal li kien qed jikkonferma l-ammissjoni dwar il-qtil ta’ Carabott. Carabott, li dak iż-żmien kellu 67 sena, li kien safa mitluf minn sensih wara li ssejħet l-għajnuna waqt is-serqa fil-25 ta’ Awwissu 2023.
Huwa nstab minn uliedu ġewwa l-ħanut tal-ġojjellerija tiegħu mimdud mal-art f’għadira demm, b’idejh marbutin u ttieħed l-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika. F’seduta preċedenti, iben Carabott xehed kif it-tfal kienu marru jfittxu lil missierhom wara li dan ma kienx mar bħas-soltu biex imur jilgħab it-tennis ma’ martu.
F’dan il-każ kienu xehdu l-esperti mediko-ġuridiċi, David Pisani u Ali Safraz, li Carabott miet fl-4 ta’ April bi pnewmonja bħala konsegwenza diretta ta’ kumplikazzjoni mill-ġrieħi li ġarrab fil-moħħ. L-espert forensiku Mario Scerri qal li Carabott miet f’San Vinċenz de Paul, fejn ġie trasferit wara li ħareġ mill-Isptar Mater Dei.
Huwa kien fi “stat veġetattiv persistenti” wara l-ġrieħi li ġarrab fl-attakk u dawn il-ġrieħi kienu suxxettibbli għal pnewmonja ipostatika. Waqt is-seduta, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech indirizzat lill-familjari tal-vittma u offritilhom il-kondoljanzi.
L-avukati tal-AĠ Kaylie Bonett u Anthony Vella mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-Ispettur Lydon Zammit. L-avukati George Anton Buttigieg deher għal Boualam. L-avukati Stephen Tonna Lowell u Ana Thomas assistew lill-familja tal-vittma.
//= $special ?>