Quddiem kriżi fit-tmexxija li attwalment għandu quddiemu s-Sindku Laburista fil-Belt Valletta, Olaf McKay mar jiġri jikteb fuq il-midja soċjali biex jiġġustifika l-aġir irresponsabbli tiegħu. U għażel li jattakka lil Net News, flok skuża ruħu mal-votanti Beltin tal-aġir partiġjan tiegħu – meta mar ir-Renju Unit bħala Sindku, u poġġa’ ritratti tiegħu ixejjer il-bandiera Laburista flok il-bandiera tal-Belt.
F’Portsmouth, waqt żjara li qed titħallas minn flus il-Kunsill Lokali u li hija waħda uffiċjali, McKay, flimkien mal-Kunsillier Laburista tal-lokalità, spiċċa jqassam l-imkatar u l-brieret tal-Labour meta suppost dawn kienu f’din il-belt, li tinsab ‘il barra mill-kosta tan-nofsinhar tal-Ingilterra, biex ikun iffirmat ġemellaġġ.
Madankollu żjara uffiċjali ta’ Sindku ta’ Belt Kapitali ta’ pajjiżna fl-Ingilterra, spiċċat tiddawwar f’opportunità ta’ partiġjaniżmu politiku, minn fondi pubbliċi, bħala promozzjoni għall-Partit Laburista, minflok għall-Belt Valletta.
Din l-attitudni waslet għal reazzjoni ta’ rabja u kundanna mir-residenti Beltin, inkliuż dawk Laburisti, li akkużaw lit-tmexxija Laburista b’nuqqas ta’ personalitá u serjetá. Quddiem din il-kritika ġdida li qed issir fil-konfront ta’ McKay, is-Sindku Laburista minflok ammetta l-iżball li għamel, sforz l-immaturità politika tiegħu, kompla jgħaffiġha u attakka lil Net News.
McKay qal li din l-attività saret tard filgħaxija waqt il-ħin liberu tagħhom, iżda ma qalx li dan kien qed isir waqt żjara li kienet qed titħallas mil-fondi pubbliċi. M’hemmx dubju li McKay reġa’ jinsab taħt pressjoni, u agħar minn hekk din hija pressjoni li ġejja mill-istess kamp politiku li jifforma parti minhu.
Sal-lum, McKay għadu ma wieġeb qatt lill-Viċi Sindku Laburista, Alfred Zammit li fuq il-midja soċjali ħareġ bil-kanuni kollha jattakka d-deċiżjoni ta’ McKay, li jiffirma ġemelaġġ bejn il-Belt Valletta u Portsmouth. Il-kritika ta’ Zammit, kompliet tikxef il-qasma Laburista fil-Belt Valletta, li minkejja li kelna bidla fis-Sindakat, l-affarijiet komplew sejrin għal-agħar.

Hu fatt, u dan joħroġ biċ-ċar mil-mod ta’ kif nissel il-kritika tiegħu Zammit fuq il-midja soċjali, li bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku m’hemmx komunikazzjoni. Dan fid-dawl tal-fatt li wara sena, ħadd għadu ma jaf x’inhu eżatt ir-rwol ta’ Zammit fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, peress li hu l-uniku minn fost il-kunsilliera eletti li baqa’ mingħajr dekasteru.
Beltin li tkelmu magħna, b’kundinzzjoni li jibqgħu anonimi, qalulna li r-relazzjoni bejn it-tnejn sejra għall-agħar minn jum għall-ieħor. Dan kollu qed jirriżulta f’tensjoni żejda f’kull laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, mhux minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Kunsilliera Nazzjonalisti, iżda għaliex bejn McKay u Zammit hemm pika u rivalitá politika.
Quddiem dan kollu, McKay, jipprova jagħti impressjoni xorta oħra, u l-pressjoni li qed issirlu minn Zammit qed iddawwarha f’attakki fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, u riċentament anke fuq il-midja indipendenti lokali.
F’gruppi private fuq Facebook, u li huma riservati għar-residenti Beltin, bosta qed jikkumentaw “kemm konna aħjar b’maġġoranza Nazzjonalista, fejn il-Kunsilliera eletti f’maġġoranza kienu jiġbdu ħabel wieħed u fl-aħjar interess tar-residenti Beltin.”
Fuq kollox, qatt ma kien hemm drabi, fejn Sindku Nazzjonalista tal-Belt Valletta, tela’ barra minn Malta, iqassam imkatar u l-brieret tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>