Liġi li daħlet fis-seħħ din is-sena u li għandha l-għan li tipproteġi lill-impjegati tal-kuntratturi mill-isfruttament u d-diskriminazzjoni, qed tiġi miksura mill-istess gvern li daħħalha.
L-Avviż Legali 128 tal-2024 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025, sitt xhur wara li tħabbar mill-gvern bħala
deċiżjoni favur l-impjegati tal-kuntratturi li jipprovdu servizzi lill-gvern. Madankollu, wara ħames xhur, ma nbidel xejn u l-impjegati għadhom taħt l-istess kundizzjonijiet li kellhom qabel.
Il-gvern, li suppost ikun eżempju għall-oħrajn bħala l-akbar employer fil-pajjiż, qed jirreżisti l-implimentazzjoni ta’ dan l-avviż legali. Dan jinkludi regolamenti dwar pagi, progressjoni fil-karriera,
drittijiet ta’ leave u benefiċċji oħra. Din ir-reżistenza qed tpoġġi lill-ħaddiema affettwati f’pożizzjoni prekarja, billi ċċaħħadhom minn trattament ġust u mill-kundizzjonijiet tax-xogħol li suppost daħlu fis-seħħ mill-bidu tas-sena.
Is-sitwazzjoni tqajjem tħassib serju dwar kemm il-gvern verament hu impenjat li jħares il-liġijiet tax-xogħol. In-nuqqas ta’ konformità mal-Avviż Legali 128 tal-2024 mhux biss qed jimmina d-drittijiet tal-impjegati tal-kuntratturi, iżda qed joħloq ukoll preċedent perikoluż għall-prattiċi ta’ impjieg b’mod
ġenerali.
Il-UHM Voice of the Workers ilha tinsisti dwar din il-kwistjoni għal diversi xhur, iżda n-nuqqas ta’
progress ma ħalla l-ebda għażla ħlief li tiġi ddikjarata tilwima industrijali mal-kuntratturi ingaġġati mis-servizz pubbliku, mill-entitajiet pubbliċi kollha, u mill-kumpaniji pubbliċi. Dan ġie segwit minn azzjonijiet
industrijali bil-għan li din il-liġi tibda titħaddem.
Fost dawk li qed jipparteċipaw f’dawn l-azzjonijiet industrijali hemm ħaddiema klerikali f’entitajiet bħal
Transport Malta u s-settur tas-saħħa; cleaners u persuni tas-sigurtà assenjati lis-settur tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-qrati; kif ukoll health carers, carers tal-komunità u carers fid-day centres, sptarijiet u
djar residenzjali. Barra minn hekk, il-UHM ħarġet direttivi fil-Gozo Channel, fosthom li jkun hemm
intervall ta’ ħames minuti mill-iżbark tal-aħħar vettura sal-imbark tal-vetturi u tal-passiġġieri fuq il-vapur li jkun imiss.
Filwaqt li UHM tirrikonoxxi l-inkonvenjent ikkawżat minn dawn id-direttivi, tenfasizza l-ħtieġa urġenti li
jitħarsu d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema u li l-Avviż Legali 128 tal-2024 jiġi infurzat immedjatament.
Sadanittant, intalbet laqgħa urġenti mal-awtoritajiet sabiex jinstab mod kif din is-sitwazzjoni tiġi
indirizzata.
Madankollu, jekk ma jkun hemm l-ebda żblokk, il-UHM ma teskludix li teskala l-azzjonijiet industrijal