Jekk Robert Abela jemmen verament fid-demokrazija, ir-residenti ta’ Ħal Għargħur għandu jkollhom iċ-ċans li jerġgħu jesprimu r-rieda tagħhom permezz ta’ elezzjoni ġdida.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello, qal li l-attakk faħxi fuq id-demokrazija li sar f’Ħal Għargħur ilbieraħ kien orkestrat mill-uffiċjali tal-Partit Laburista u mwettaq bl-għajnuna tal-Kunsillieri tiegħu f’dan ir-raħal. Dan ipoġġi r-responsabbiltà sħiħa ta’ dak li ġara fuq il-mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Charles Bonello rrefera għall-kummenti qarrieqa li tat is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli fejn ippruvat tqabbel ir-riżultati li nkisbu f’Ħal Għargħur mar-riżultati tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali li saru fil-Floriana u Ħaż-Żebbuġ.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PN qal li huwa ta’ tħassib li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali qed tipprova tiġġustifika attakk fuq id-demokrazija fl-istess Kunsilli li hi suppost qiegħda hemm biex tipproteġi. Ta’ tħassib aktar hu l-fatt li jidher li s-Segretarju Parlamentari m’għandhiex għarfien ta’ kif taħdem is-sistema tal-Kunsilli, minkejja li ilha tliet snin f’din il-kariga.
Kulħadd jaf li maġġoranza ta’ 62% f’Kunsill ma tagħti l-ebda lok għal interpretazzjoni u ma tista’ qatt tiġġustifika li Partit li lanqas ġab 38% jipprova jieħu t-tmexxija.
B’dak li għamel il-Labour ilbieraħ wera biċ-ċar x’jaħseb mir-rieda tal-elettorat.
Fiż-żewġ lokalitajiet li semmiet Zerafa Civelli, la l-Partit Laburista u lanqas il-Partit Nazzjonalista ma ġabu l-maġġoranza assoluta tal-voti. F’Ħaż-Żebbuġ kien hemm qbil bejn kulħadd li l-kandidat indipendenti li kien ġab l-akbar numru ta’ voti jkun Sindku, u kien hemm qbil mal-Kunsillieri Nazzjonalisti li t-tieni l-aktar kandidat li ġab voti, kandidat Laburista, ikun Viċi Sindku. Fil-Floriana, fejn l-aktar kandidat li ġab voti kien kandidat tal-PN, wara li l-indipendenti ma laħaqx ftehim mal-Partit Laburista, ingħaqad f’koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista.
Min jimmanuvra biex xi ħadd li ġab ftit voti jieħu s-siġġu ta’ Sindku mingħand xi ħadd li ġab il-maġġoranza assoluta m’għandu l-ebda kredenzjali biex jitkellem dwar demokrazija. Il-Partit Laburista tilef kull kredenzjali fejn tidħol demokrazija.
Helen Gauci, li sa qabel dan l-attakk fuq id-demokrazija kienet Sindku ta’ Ħal Għargħur, indirizzat ukoll din il-konferenza tal-aħbarijiet.
Helen Gauci qalet li fl-ewwel jum ta’ Mariah Meli bħala Sindku mhux eletta mill-poplu f’Ħal Għargħur, il-Kunsill Lokali baqa’ bil-bibien magħluqa. Dan għaliex biex ikomplu jimminaw il-ħidma tal-Kunsill, il-Kunsillieri Laburisti fl-aħħar ġimgħa baqgħu jopponu li tkun impjegata persuna mal-Kunsill minkejja li kien hemm bżonn urġenti. Bis-saħħa ta’ dan, ħallew lir-residenti b’Kunsill magħluq.
Helen Gauci reġgħet tenniet li jekk hemm allegazzjonijiet dwarha, qed tistenna li dawn jiġu ssostanzjati.
//= $special ?>