Wara ħafna preparamenti, kollox jinsab lest biex il-kantanta Maltija Miriana Conte tkanta waqt it-tieni semifinali tal-Eurovision Song Contest li qed isir f’Basel.
Il-kantanta u l-prestazzjoni tagħha qed ikomplu jiġbdu l-attenzjoni ta’ bosta. Fil-fatt, wara l-ewwel reherseal, il-music video ta’ ‘Serving’ kien intwera fuq l-istazzjon popolari MTV Global; xi ħaġa li mhux komuni għall-artisti lokali.
Dan wassal biex diversi rapporti internazzjonali semmew kif din is-sena, wara erba’ snin, Malta għandha ċans kbir li tgħaddi għall-finali.
L-istess bħall-ewwel semifinali, dik tal-Ħamis filgħaxija għandha tema speċjali; li hija Eurovision Fans. B’din it-tema tindika li din is-serata se tkun festa ddedikata lis-segwaċi tal-Eurovision.
Waqt din is-serata, Malta se tkun qed tikkompeti mal-Awstralja, il-Montenegro, l-Irlanda, il-Latvja, l-Armenja, l-Awstrija, il-Greċja, il-Litwanja, il-Ġorġja, id-Danimarka, iċ-Ċekja, il-Lussemburgu, Iżrael, is-Serbja, u l-Fillandja.
Miriana Conte se tkun qed tiftah it-tieni parti tas-semifinali tal-Ħamis, u se tkanta fid-9 post.
Il-kanzunetti li jikklasifikaw fl-ewwel 10 postijiet se jkunu qed jgħaddu għall-finali tas-Sibt, fejn flimkien ma’ dawk li għaddew nhar it-Tlieta se jkunu qed jingħaqdu ma’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja ir-Renju Unit u l-Iżvizzera.
Intant, bosta huma dawk li segwew il-vjaġġ tal-kantanta Miriana Conte mill-bidu, anka internazzjonalment hekk kif din il-kanzunetta kienet hit lil hin minn xtutna sa minn ġimgħat qabel ir-rebħa fil-Malta Eurovision Song Contest.
U dawn is-segwaċi jafu li l-isem tal-kanzunetta nbidel minn Kant għal Serving.
Għalhekk il-mistoqsija tibqa’… x’se tkun ir-reazzjoni tal-udjenza fis-sala ta’ Basel għal din il-bidla. U jekk hux se jkomplu jkantaw magħha il-versi kif kienu oriġinarjament.
//= $special ?>