Lokali

L-Għawdxin jappellaw għal strateġija ċara, ippjanar fit-tul, u attenzjoni konkreta

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, permezz ta’ stqarrija, uriet it-tħassib serju tagħha rigward is-sitwazzjoni preżenti fil-portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa. Huma qalu li għalkemm is-sitwazzjoni f’dawn iż-żewġ punti kritiċi laħqet il-limitu tagħha, u ħafna konsegwenzi negattivi ġew evitati tul il-snin permezz ta’ koordinazzjoni estensiva bejn l-entitajiet konċernati, id-docking tal-MV Nikolaos f’dawn l-aħħar ġimgħat (sal-19 ta’ Mejju) reġa’ wera l-vulnerabbiltà li Għawdex għadu jaffaċċja b’rabta mal-uniku punt ta’ aċċess tiegħu – il-Port tal-Imġarr – li m’għadux ilaħħaq mal-ħtiġijiet tal-gżira u mal-ekonomija tagħha li qiegħda kontinwament tikber.

Dan wara li rajna dewmien konsiderevoli li kien hemm matul dawn il-ġimgħat li kellu impatt negattiv fuq il-komunità u fuq l-attività ekonomika.

Il-Kamra qalet li l-Gvern jeħtieġ jirrikonoxxi li Għawdex jiddependi totalment fuq il-Port tal-Imġarr u fuq is-servizz li jipprovdi l-Gozo Channel. Dan is-servizz huwa wieħed essenzjali u vitali, kemm għall-ekonomija kif ukoll għall-komunità Għawdxija.

In-nuqqas ta’ ppjanar u ħsieb fit-tul li qed jaffettwaw kemm l-infrastruttura kif ukoll il-kwalità tas-servizz, jagħtu sinjal ċar li Għawdex mhux qed jingħata l-prijorità li jistħoqqlu. Filwaqt li f’Malta qed naraw investimenti sinifikanti fl-infrastruttura tat-trasport, il-Kamra mhux qed tara l-istess livell ta’ investiment f’Għawdex.

Huma qalu li Għawdex jistħoqqlu ħsieb strateġiku serju, ippjanar fit-tul, u attenzjoni konkreta fil-kuntest nazzjonali. Dan jgħodd ukoll għas-servizz tal-vapuri, fejn anke bl-operat tal-MV Nikolaos, xorta hemm il-ħtieġa li jiġi rivedut il-mod ta’ kif qed joperaw il-vapuri u jkun hemm investiment adegwat.

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex tinsisti wkoll li hemm nuqqas serju ta’ trasparenza fir-rigward tal-passes individwali li jingħataw biex tinqabeż il-kju. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji ċari u trasparenti li jkunu aċċessibbli pubblikament. m

Il-Gozo Channel għandha tipprovdi wkoll informazzjoni regolari kull tliet xhur dwar in-numru ta’ dawn il-passes, u r-raġunijiet għala dawn ġew maħruġa.

Barra minn hekk, dawn il-passes għandhom jiġu riveduti minn bord indipendenti f’intervalli regolari sabiex jiġi żgurat li mhumiex qed jiġu abbużati u li jintużaw biss mill-persuni li għalihom inħarġu.

Il-Kamra temmen ukoll li z-zona tal-kju tal-karozzi fiċ-Ċirkewwa għandha tiġi amministrata b’mod iktar effiċjenti, hekk kif kien hemm diversi istanzi ta’ vetturi li qabżu l-kju.

Fl-aħħar nett, il-Kamra ġibdet l-attenzjoni għas-servizz tal-fast ferry hekk kif bin-numru dejjem jikber ta’ turisti li jqattgħu ġurnata f’Għawdex, mhux l-ewwel darba li residenti Għawdxin spiċċaw ma sabux post u kellhom jistennew għal siegħa oħra biex jaqbdu l-vapur, minħabba li dan kien diġà mimli. U għalhekk huwa kruċjali li jibqa’ jiġi aġġornat u mtejjeb biex ilaħħaq mal-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-gżira Għawdxija.