Joseph Muscat kien qed jieħu ħlasijiet ftit biss wara r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru minn kumpaniji li taħt l-amministrazzjoni tal-Gvern tiegħu kienu rċevew fondi jew artijiet pubbliċi taħt ċirkostanzi li ġew deskritti bħala kontroversjali jew suspettużi.
Il-kontroversja, is-suspetti u l-mod kif saru l-affarijiet mill-Eks Prim Minisru Joseph Muscat li kellu rwol kbir u influwenti f’dak li għandu x’jaqsam ma ppjanar, kienu jeżistu fejn dan kien irċieva ‘kick-backs’ minn għadd ta’ kumpaniji.
Dan l-istess sentiment ġie espress ukoll f’pubblikazzjoni fuq Times of Malta fit-30 ta’ Ottubru 2022 intitolat ‘Watch: Joseph Muscat on major developer’s payroll soon after resignation’, fejn ġie
affermat li kien jeżisti ċertu livell ta’ intimità bejn l-industrija tal-kostruzzjoni u l-politiċi taħt il-gvern ta’ Joseph Muscat u fejn ingħad ukoll:-
“Michael Stivala u l-kumpaniji tiegħu kienu fuq in-naħa rebbieħa ta’ għadd kbir ta’ deċiżjonijiet kontroversjali meħuda mill-gvern ta’ Muscat. Dawn jinkludu permess biex titwaqqa’ binja antika fix-xatt tal-Balluta, mibdula fi blokka ta’ appartamenti għal fuq il-baħar.
Stivala kien ukoll mexxa konsorzjum ta’ lukandiera li b’suċċess ikkonvinċew lill-Gvern biex jitrasferixxi biċċa sew mix-xatt tal-Gżira li finalment ġie konvertit f’lido. Dan ħareġ f’kawża ta’ libell għad-danni li għamel l-iżviluppatur Michael Stivala kontra l-professur Arnold Cassola.
Dan wara li fl-4 ta’ Novembru, 2022, Cassola kiteb tliet artikli fuq is-sit soċjali Facebook. L-ewwel wieħed intitolat “Muscat payback time …. Under Muscat’s premiership … Stivala was gifted various illegalities. Now, Muscat is …. and Stivala’s consultant. Payback time.” Issemma wkoll “Under Muscat’s premiership:
Vitals-Steward were gifted millions.
Fis-6 ta’ Novembru 2022, artiklu ieħor intitolat “Robert Abela; lying about Joseph Muscat… Joseph
Muscat got his taparsi consultancies from Accutor and Stivala in 2020, soon after his resignation” u
fis-7 ta’ Novembru, 2022, rapport ieħor intitolat “Joseph Muscat’s payback time…. Consultant with
Stivala.”
Fil-kawża li fetaħ fil-Qorti kontra Cassola qal li dawn il-pubblikazzjonijiet wasslu jew jagħtu impressjoni inveritiera u magħmula biss bl-għan li jtellfu u jnaqsu r-reputazzjoni, l-integrità u l-unur tiegħu. Huwa ilmenta fil-Qorti li l-pubblikazzjonijiet ta’ Cassola jagħtu x’jifhmu li meta Joseph Muscat kien il-Prim Ministru kien uża s-setgħat governattivi tiegħu biex jippermetti lilu jew il-kumpaniji li fihom huwa azzjonist jew direttur, iwettqu xi illegalitajiet.
Dan kollu talli kien wettaq dawk l-illegalitajiet, ikkumpensa lil Joseph Muscat billi hekk kif telaq mill-kariga governattiva tiegħu, daħħlu jaħdem miegħu bħala konsulent. Hu xehed li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Stivala Group Finance p.l.c., grupp ta’ kumpaniji li joperaw fil-qasam tan-negozju tal-kostruzzjoni u ospitalità, fosthom Carmelo Stivala Group Limited, ST Hotels Limited u ST Properties Limited.
Spjega li f’Jannar jew Frar tal-2020 kien ġie nieqes missieru filwaqt li fl-2019, ħuh Carlo Stivala, kien iddeċieda li joħroġ mill-grupp u eventwalment ittrasferixxa wkoll l-isħma tiegħu lill-azzjonisti l-oħra, u għalhekk, anke għaliex il-kumpanija Stivala Group Finance p.l.c. hija ‘public-listed company’ fuq il-Borża ta’ Malta, inħass il-bżonn li jiġi ingaġġat persuna professjonali intiża fis-setturi tal-ekonomija, proprjetà
u t-turiżmu.
Dan biex tagħti l-konsulenza tagħha fid-deċiżjonijiet eżekuttivi tal-kumpanija, li fiha jinvestu flushom diversi persuni permezz ta’ ‘bonds’ li jinħarġu mill-kumpanija. Għall-ħabta ta’ Marzu 2020, wara li ġew avviċinati xi persuni dwar il-pożizzjoni li kellha bżonn timtela.
Joseph Muscat kien għamel kuntatt miegħu mhux direttament iżda tramite terza persuna li staqsietu jekk ikun interessat jiltaqa’ ma’ Joseph Muscat peress li kien qed ifittex xogħol ta’ konsulenza fis-settur u kien ġiet iffissata laqgħa miegħu tramite l-intermedjarju.
F’din l-ewwel laqgħa kienu ddiskutew materji ġenerali konnessi mal-ħtiġiet tal-grupp tal-kumpanija u kienu skambjaw in-numri tal-mobile phones. Huma wara, iffissaw laqgħa oħra wara li ġie konfermat li
kien hemm interess reċiproku, fejn iddiskutew fid-dettall materji dwar ħlasijiet għall-konsulenza u minn hemmhekk ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi ingaġġat Joseph Muscat bħala konsulent, anke minħabba l-esperjenza estensiva tiegħu fis-settur ekonomiku.
Konsulenza mogħtija forma ta’ kumpens
Cassola qal li min-naħa tiegħu, jiddeskrivi l-konsulenza mogħtija minn Stivala lil Joseph Muscat wara li rriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru, bħala xorta ta’ kumpens għall-fatt li huwa kien tħalla jikkommetti diversi illegalitajiet b’impunità fi żmien u taħt il-gvern immexxi mill-istess Joseph Muscat.
Huwa jqabbel iċ-ċirkostanzi li fihom l-attur qabbad lil Joseph Muscat bħala konsulent tiegħu, ma’ dawk tal-konsulenza li l-istess Eks Prim Ministru kien ingħata mill-kumpanija Accutor. Kumpanija li, kif kien ġie żvelat fil-midja lokali fiż-żmien tal-pubblikazzjoni impunjata, kienet assoċjata mal-konċessjonarji tal-isptarijiet Maltin Vitals Healthcare u Steward Healthcare.
Qal li fiż-żmien tal-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat meta kien il-Prim Ministru ta’ Malta irċeviet mingħandhom flejjes li kienu provenjenti mill-fondi imħallsin mill-Gvern ta’ Malta taħt il-konċessjoni.
Cassola kkonferma fix-xhieda tiegħu, li bil-kelma “gifted” huwa ried ifisser li Michael Stivala ġie awtorizzat jew tħalla jwettaq diversi illegalitajiet jew irregolaritajiet fiz-żmien meta Joseph Muscat kien imexxi l-Gvern u l-awtoritajiet kienu taħt il-kontroll dirett jew indirett tiegħu u ta’ individwi appuntati minnu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, qalet li r-rapporti li saru mill-Professur Arnold Cassola lkoll jikkostitwixxu kritika politika favur governanza tajba u l-ambjent – fil-kuntest tal-fatt li kien ġie żvelat fil-midja xi żmien ilu li persuna li qabel kienet tokkupa l-iktar kariga għolja fl-eżekuttiv ta’ gvern, spiċċat kważi minnufih li telqet mill-kariga, tiġi impjegat bħala konsulent ma’ persuna prominenti ħafna fis-settur tal-kostruzzjoni.
Iżda mhux hekk biss. Din il-konsulenza ngħatat ukoll lil persuna li huwa fatt ippruvat li kellha rwol influwenti fl-industrija tal-ippjanar meta kienet il-Prim Ministru ta’ pajjiżna. Dan qed jingħad għaliex huwa fatt magħruf li din l-industrija ngħatat palata sinjifkanti taħt il-governanza ta’ Joseph Muscat.
Kemm hu hekk, ġie ppruvat li b’effett mill-2013 ir-responsabbilità għall-amministrazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (dak iż-żmien imsejħa l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar) kif ukoll il-koordinazzjoni tal-Ippjanar, politika u prijoritajiet kienu ġew assenjati lill-Uffiċċju tal-Prim’Ministru, dak iż-żmien Joseph Muscat.
Il-fatt li Joseph Muscat irċieva pagamenti mingħand Fortina, u konsulenza mingħand il-kumpanija Accutor. Jirriżulta wkoll bħala fatt affermat f’artikoli ppubblikati qabel jew fl-istess żmien tad-dikjarazzjonijiet ta’ Cassola, li Fortina Investments kienet ibbenefikat minn “deċiżjoni ta’ użu mill-iktar kontroversjali ta’ art fil-proġett fix-xatt ta’ Tas-Sliema.
Kienu bagħtu lil Muscat numru ta’ pagamenti, li mir-rapporti li ħarġu jlaħħqu total ta’ madwar €20,000 fi żmien tliet xhur wara li telaq minn Prim Ministru, filwaqt li l-kumpannija Żvizzera Accutor kienet irċeviet pagamenti mingħand Steward Healthcare minn flejjes provenjenti minn fondi pubbliċi mħallsin mill-Gvern taħt il-konċessjoni tal-isptarijiet Maltin.
Konċessjoni li kif jirriżulta mill-pubblikazzjonijiet esebiti fl-atti proċesswali, kienet fil-mira ta’ Inkjesta Maġisterjali dak iż-żmien fuq allegazzjonjiet ta’ frodi u korruzzjoni. Magħdud dan kollu l-fatt li meta ġew ippubblikati d-dikjarazzjonijiet żvelati f’din il-kawża, kien diġa’ magħruf minn pubblikazzjonijiet oħrajn fil-midja lokali – esebiti fl-atti proċesswali.
Dik li Joseph Muscat kien qed jiġi mħallas ukoll fl-istess żmien, ċioè ftit biss wara r-riżenja tiegħu, minn kumpaniji oħrajn li taħt l-amministrazzjoni tal-gvern tiegħu kienu rċevew fondi jew artijiet pubbliċi taħt ċirkostanzi li ġew deskritti bħala kontroversjali jew suspettużi.
Għalhekk kollox magħdud, il-Qorti tqis li l-fehma ta’ Arnold Cassola, li l-ingaġġ ta’ Joseph Muscat bħala konsulent huwa speċi ta’ “payback time”, “taparsi konsulenzi” għal xi illegalitajiet jew deċiżjonijiet favorevoli li l-attur Michael Stivala seta’ bbenefika minnhom fil-proġetti tal-kostruzzjoni jew proġetti kummerċjali oħrajn tiegħu.
Dan jinkludi wkoll kumpaniji tiegħu fiż-żmien it-tmexxija tal-istess Joseph Muscat bħala Prim Ministru, hija espressjoni ta’ fehma dwar materja ta’ interess pubbliku li tistħoqq ukoll il-protezzjoni tal-opinjoni onesta.
Il-Qorti qalet li hija konvinta li persuna onesta tista’ raġjonevolment tesprimi fehma bħal dik. L-istqarrijiet ta’ Cassola jidher li b’mod ġenerali saru fl-istess vena tal-publikazzjonijiet preċedenti li saru fil-mass media lokali b’rabta mal-istess materja tal-konsulenza mogħtija minn Stivala lil Joseph Muscat.
Din kienet diġà ġiet kritikata u deskritta bħala “a red flag” u fejn saret riferenza wkoll għall-fatt li l-kumpaniji ta’ Stivala kienu bbenefikaw minn numru ta deċiżjonijiet kontroversjali taħt l-amministrazzjoni tal-gvern ta’ Joseph Muscat.
F’dan l-isfond, diffiċilment tista’ l-perċezzjoni li l-konsulenza setgħet ingħatat bħala ringrazzjament għall-appoġġ politiku li kien ingħata lill-industrija li fiha l-attur huwa intraprenditur ewlieni taħt l-amministrazzjoni governattiva tal-konsulent, bħala waħda esaġerata jew remota.
Il-Qorti qalet li meta, kif rajna diġà, ġie ppruvat ukoll li wħud mill-iżviluppi jew konċessjonijiet li ngħataw lil Stivala jew lill-kumpaniji tiegħu tassew kienu milqutin minn illegalitajiet li ppersistew fuq medda ta’ żmien b’inkonvenjent jew addirittura preġudizzju għar-residenti jew il-pubbliku inġenerali jew kienu kontroversjali.
Kollox magħdud ma jistax ma jitqajjimx tħassib f’moħħ il-qarrej ordinarju, li jista’ jkun li mhux b’kumbinazzjoni li l-Eks Prim’Ministru sar il-konsulent ta’ jew irċieva pagamenti mingħand għadd ta’ persuni jew kumpaniji li, taħt it-tmexxija tiegħu tal-Gvern, ibbenefikaw minn fondi jew artijiet pubbliċi b’mod kontroversjali, u li jeżisti xejra ta’ kunflitt ta’ interess f’dan il-modus operandi.
Tabilħaqq dan it-tħassib huwa fil-mira ta’ dak li jissejjaħ ‘revolving doors policy’ li f’diversi pajjiżi demokratiċi jirregola t-transizzjoni ta’ persuni impjegati mal-gvern jew fl-amministrazzjoni pubblika jew li jokkupaw karigi pubbliċi, lejn pożizzjonijiet fis-settur privat fejn jiġu imposti limiti ta’ żmien qabel tkun permessa transizzjoni bħal dik.
L-għan ta’ policy bħal dik hu li jitnaqqas ir-riskju ta’ korruzzjoni kif ukoll il-perċezzjoni jew potenzjalità ta’ kunflitti ta’ interess billi jiġi evitat li l-persuna fl-amministrazzjoni pubblika tuża l-konnessjonijiet, għarfien u jew esperjenza tagħha f’xi settur jew ieħor tal-amministrazzjoni pubblika.
Dan billi tikseb rwol ġdid fis-settur privat, jew inkella tiffavorixxi ċerti kumpaniji jew setturi waqt li tkun għadha tokkupa l-kariga pubblika jew governattiva bil-ħsieb li tikseb impieg jew xogħol fis-settur privat ġaladarba titlaq mid-dinja tal-amministrazzjoni governattiva.
F’Malta, għalkemm teżisti kodiċi ta’ prattika li tirregola din il-materja fil-każ ta’ uffiċjali pubbliċi f’setturi partikolari, ir-regoli tal-kondotta f’din il-kodiċi mhumiex applikabbli għal membri tal-kabinett, fosthom il-Prim Ministru, jew membri parlamentari.
Il-Qorti taqbel li huwa l-jedd ta’ kull individwu li jifforma opinjonijiet u jesprimihom lil ħaddieħor u għandu dritt ukoll jirreaġixxi u jirrispondi għal dak li jiġri madwaru b’mod soġġettiv.
Għal dawn il-motivi kollha, jikkostitwixxu opinjoni onesta a tenur tal-artikolu 4(2) tal-Att dwar il-Midja u l-Malafama, u qiegħda għalhekk tiċħad it-talba ta’ Michael Stivala, bl-ispejjeż jitħallsu minnu stess.
//= $special ?>