minn Joe Cassar
Kull min jaf lil Raymond Aquilina, missier ta’ 72 sena ta’ żewġ ulied u nannu ta’ żewġ neputijiet, jaf x’passjoni għandu għat-trekking, li bdiet minn meta kien għadu żagħżugħ. L-ewwel esperjenza tiegħu kienet sfida biex jikseb id-Duke of Edinburgh Award fl-1976, kważi 50 sena ilu.
Minn dak iż-żmien ’l hawn kellu esperjenza wara l-oħra. L-ewwel Camino minn Lisbona sa Santiago de Compostera għamilha fl-2015 b’distanza ta’ kważi 640km f’26 ġurnata. Minn dak iż-żmien sal-lum għamel 13-il Camino, bl-aħħar waħda tkun f’Ottubru tas-sena l-oħra.
Fl-2023 għamel l-itwal Camino meta mexa mir-Ruta de La Lana minn Valenzja sa Santiago de Compostela distanza ta’ 1,150km f’34 ġurnata. Dan immarka għeluq is-70 sena ta’ Ray fejn dakinhar iddeċieda jagħmel din l-inizjattiva b’risq Caritas Malta fejn ġabar €3,750 f’donazzjonijiet.
Is-sena li għaddiet kellu f’moħħu mixja simili għal dik li se jibda jumejn oħra, imma kellu jipposponi l-pjan tiegħu minħabba li ġie milqut minn kanċer u kellu jibda sessjonijiet ta’ trattament għalih.
Imma l-ħsieb ma ħallihx jaħrab. Għal Raymond din is-sena hi waħda speċjali prorpju għaliex wara l-fejqan tiegħu, fis-sena tal-Ġublew tat-Tama Raymond ħadem fuq pjan ambizzjuż li għal darb’oħra qed jagħmlu b’risq Caritas Malta. Hu qed jippjana l-mixja tiegħu b’dan il-mod:
Distanza ta’ 2,300 kilometru li tibda mill-Katidral ta’ Canterbury fis-17 ta’ Mejju 2025 mill-Katidral ta’ Canterbury sa Aosta, fejn ippjanat li jasal fit-23 ta’ Ġunju wara 39 ġurnata mixi.
Imbagħad minn Aosta sa Pjazza San Pietru, Ruma, lejn l-aħħar ta’ Settembru / Ottubru. B’35 ġurnata mixi.
Kif bdiet il-passjoni ta’ Raymond Aquilina u fejn wasslitu
Fil-jiem li għaddew iltqajt ma’ Ray Aquilina u staqsejtu kif bdiet din il-passjoni tiegħu għat-trekking. Qalli li kollox beda meta kważi 50 sena ilu, fl-1976, fiż-żmien tas-sixth form, għamel kuntatt ma’ grupp ta’ ħbieb mis-Sixth Formers ta’ San Alwiġi u dawn kellhom grupp attiv fid-Duke of Edinburgh Award Scheme u stednuh biex jingħaqad magħhom.
“Konna sifirna għal xi tracks barra minn Malta, bl-ewwel waħda tkun f’Corfù, għamilna xi ġimgħa niġru… u minn dak iż-żmien qatt ma waqaft għalkollox. Kien hemm xi perjodu waqt it-trobbija tat-tfal li naqqast ħafna, imma hekk kif kibru erġajt bdejt.”
Ray qalli li l-ikbar opportunitajiet, madankollu, ġewh hekk kif irtira mix-xogħol ta’ 61 sena għax issa beda jsib aktar ħin għal din il-passjoni tiegħu. “Meta rtirajt għamilt l-ewwel Camino ta’ Santiago, fil-Portugall, waħdi.”
Minn dak iż-żmien baqa’ kull sena jagħmel xahar barra. Meta għalaq 70 sena xtaq jagħmel xi ħaġa differenti. U rnexxielu meta għamel l-itwal Camino, ta’ 1,200km u did-darba għamilha bħala fund raising u xtaq li l-flus li jirnexxilu jiġbor jgħaddihom lil Caritas għax, fi kliemu, dejjem kellu ħafna simpatija għax-xogħol li jagħmlu biex jgħinu persuni vulnerabbli.
Qalli Ray li rnexxielu jiġbor kważi €4,000, somma li tatu sodisfazzjon kbir.

Tfaċċalu kanċer
Imma l-pjan ta’ Raymond għas-sena li għaddiet sfratta għaliex, kif għedna iktar ’il quddiem, tfaċċalu kanċer li nqabad kumbinazzjoni meta kien qed jagħmel xi testijiet oħra l-isptar. L-ispeċjalisti qalulu li kellhom bżonn joperawh, u l-operazzjoni saret f’Awwissu li għadda u deher li rnexxiet. Għalhekk Ray reġa’ mar barra jipprattika d-delizzju tiegħu tal-mixi.
Imma meta ġie lura u kellu appuntament għal aktar testijiet, il-professur urieh fuq l-iscreen li dak li kellu kien reġa’ tfaċċa u li se jkollu bżonn operazzjoni oħra.
L-operazzjoni kienet skedata għal Marzu li għadda u hekk kif fetħuh, irriżulta li ma sabu xejn. Il-professur qallu li probabbilment se jagħtuh xi trattament u kimoterapija, imma wara ftit ġranet, waqt konsulta oħra, qallu li ma kienu se jagħtuh xejn għax ma kellu bżonn xejn.
Għalhekk id-deċiżjoni tiegħu kienet ferm aktar faċli u issa għandu kollox ippjanat biex jumejn oħra jibda l-itwal avventura tiegħu.
Ix-xewqa ta’ Raymond hi dik li jiġbor fondi b’risq Caritas Malta. Id-donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu dirett lil Raymond Aquilina fuq Revolut jew BOV mobile number 99876542.
Talab b’fidi kbira lil Mons. Victor Grech waqt li kien espost f’San Blas
Fil-kors tal-intervista staqsejt lil Raymond Aquilina għaliex kien qed jagħżel il-Caritas għad-donazzjonijiet li se jiġbor. Waqt li qalli kemm jammira l-ħidma ta’ din il-fondazzjoni b’risq il-batut u l-persuni fil-bżonn tal-għajnuna, il-kliem waqa’ fuq Monsinjur Victor Grech.
Raymond irrakkontali storja qasira imma qawwija dwar ir-rapport tiegħu mal-Monsinjur proprju wara mewtu. Qalli hekk: “Ġimgħa qabel ma miet Monsinjur Grech, f’Jannar li għadda, qaluli li reġa’ tfaċċali l-kanċer. U l-ispeċjalista qalli li din id-darba żgur se jkolli bżonn nibda kors ta’ kimoterapija. Imlejt ras daqsiex. Meta smajt li miet Dun Victor u li se jkun espost f’San Blas, għedt lill-mara li xtaqt immur nitlob fil-preżenza tiegħu. Mort ħdejh u tlabt b’fidi kbira. X’ġara eżatt ma nafx, naf biss li fl-appuntament ta’ qabel l-isptar l-ispeċjalista kien urieni fuq il-monitor it-tbajja’ tal-kanċer, u jiena rajthom bħalma rahom hu. Qalli ara fejn huma, qishom għenieqed. Naf ukoll li wara, meta waslet l-operazzjoni, qaluli li ma sabu xejn u li ma għandi bżonn l-ebda kura.”
Raymond qalli li ma jrid jasal għall-ebda konklużjoni imma l-fatti, kif ġraw u kif irrakkontahom lili, ma jistax jinnegahom.
Din l-intervista dehret f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 14 ta’ Mejju, 2025
//= $special ?>