minn Angelo Micallef
Il-pontifkat tal-Papa Ljun XIV jinstab fil-vera sens tal-kelma fl-ewwel jiem tiegħu. Huwa għalhekk kemm xejn diffiċli li wieħed jagħmel xi analiżi profonda u dettaljata ta’ x’jista’ wieħed jistenna minn dan il-pontifikat. Madankollu l-Papa Ljun XIV diġà ta l-ewwel indikazzjonijiet ċari ta’ xi aspetti li jidher li se jkunu prevalenti waqt iż-żmien tiegħu bħala l-Mexxej tal-Knisja Kattolika.
Papa li jħobb joħloq il-ħsieb
Papa Ljun XIV ġej mill-ordni Agostinjana; l-ordni li taf il-bidu tagħha lil wieħed mill-akbar filosofi li qatt kellha l-Knisja u ċioè Santu Wistin. Forsi għalhekk mhux aspett daqshekk ta’ sorpriża l-fatt li dan il-Papa jidher li jħobb jitkellem b’mod li joħloq il-ħsieb u l-analiżi fost dawk li jkunu qed jisimgħuh.
Fil-ftit diskorsi li għadu għamel s’issa diġà wera biċ-ċar u ħoloq dibattitu pożittiv fuq temi important bħall-paċi globali u l-libertà tal-bniedem. Diskorsi meqjusa imma fl-istess waqt ċar kristall fil-messaġġ tagħhom. Diskorsi li filwaqt li jevitaw ton aggressiv jew aħrax ma’ jistgħux ma’ jqanqlux fik sens ta’ riflessjoni fuq fejn ninstabu fil-preżent.
Fl-istess waqt jidher li se jkun Papa li ma jiddejjaqx jitkellem dwar temi li forsi ma jagħmlukx daqshekk popolari jew maħbub mill-midja.
Papa li ma tkabbarx
Għalkemm ma jidhirx li dan il-Papa forsi se jadotta l-istess ġesti simboliċi imma b’saħħithom li kien adotta l-Papa Franġisku biex juri d-determinazzjoni li jgħix ħajja umli u sempliċi, xorta hemm indikazzjonijiet mill-aktar ċari li dan hu Papa li ma tkabbarx.
Il-mod kif qiegħed jirrelata man-nies u l-mod kif jitkellem u xi kultant anki jitfa’ xi ċajta turi li dan hu Papa li jifhem sew il-virtu tal-umiltà u l-importanza li ma jħallix lilu nnifsu jinqata’ f’kastell tal-ivorju.
Teoloġikament konservattiv, soċjalment liberali?
It-titlu u nomenklaturi forsi ftit li xejn huma opportuni jew f’waqthom. Ħafna tkellmu dwar jekk dan il-Papa huwiex teoloġikament aktar konservattiv mill-Papa Franġisku jew jekk dan il-Papa huwiex soċjalment liberali bħal Papa Franġisku.
Nemmen li għadu wisq kmieni biex wieħed minn issa jiġbed xi konklużjoni. Li huwa ċar huwa li dan il-Papa għandu quddiemu sfidi kbar.
Sfidi kbar kemm internament fis-sens ta’ fejn sejra l-Knisja u fejn trid timxi l-Knisja u b’liema mod l-aħjar tagħmel dan. Kif ukoll sfidi kbar esternament f’dinja mifnija b’numru ta’ gwerer imdemmija u fejn donnu hawn forzi b’saħħithom li qegħdin jimbottaw lejn relattiviżmu assolut fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem.
Dawn se jkunu bla dubju ta’ xejn sfidi li se jimmarkaw il-pontifikat tal-Papa Ljun XIV. Forsi hawn l-isem innifsu huwa indikattiv li dan hu Papa li huwa konxju minn dawn l-isfidi.
Papa Ljun XIII, ispirazzjoni important għall-Kardinal Prevost biex ħa l-isem ta’ Papa Ljun XIV, kien il-Papa fil-qilla tar-rivoluzzjoni industrijali u l-impatt tagħha fuq is-soċjetà. Kien il-Papa li indirizza din ir-revoluzzjoni ‘head-on’ bl-enċiklika importantissima tiegħu Rerum Novarum.
Il-fatt li l-Papa Ljun XIV qed juri li hu konxju mis-sitwazzjoni hija minnha nnifisha sinjal pożittiv għax tindika li dan hu Papa li se jagħti dawn l-aspetti l-attenzjoni meħtieġa u mistħoqqa.
U l-fatt li Amerikan?
Il-fatt li dan il-Papa twieled u trabba fl-Istati Uniti ħadet lil ħafna b’sorpriża għaliex forsi tradizzjonalment kien aktar diffiċli timmaġina Papa Amerikan.
Madankollu dan forsi jkompli jservi ta’ xhieda ta’ kemm il-Knisja llum m’għadhiex id-dominju ta’ xi pajjiż jew kontinent wieħed imma saret tassew globali. Il-fatt li dan il-mument wasal propju f’mument meta l-Istati Uniti bħal donnu qed tibdel l-orjentazzjoni politika tagħha sempliċement jagħmel is-sitwazzjoni waħda li timmerita aktar ħsieb u osservazzjoni.
Naturalment bħalma bdejt… għadhom biss l-ewwel jiem. Irridu nħallu ż-żmien jgħaddi biex inkunu nistgħu nitkellmu b’aktar ċertezza u ċarezza. Ninsab kunfidenti li dan se jkun Papa li se jħalli impatt pożittiv fuq id-dinja.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 15 ta’ Mejju, 2025.
//= $special ?>