Għawdxi ta’ 28 sena tqiegħed taħt probation ta’ tliet snin wara li nstab ħati li abbuża minn tliet minorenni.
L-għalliem tal-mużika, li ismu ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, ġie akkużata li wettaq atti mhux kunsenswali ta’ natura sesswali u li ssottometta tliet minorenni għal fastidju sesswali f’okkażjonijiet differenti.
Il-Qorti semgħet kif mara u binha ta’ 11-il sena ressqu rapport fid-19 ta’ Jannar 2023, fejn allegaw li l-għalliem kien messu u ffastidjah. Hija qalet kif dakinhar tal-inċident, nanntu ħaditu għal-lezzjoni tal-pjanu u ġabritu.
Wara l-lezzjoni, it-tifel mar jibki fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta ommu kellmitu, qal lil ommu li l-akkużat messlu riġlejh, sidru u pprova jbusu. Matul l-investigazzjoni, irriżulta li raġel ressaq rapport f’isem bintu ta’ ħames snin, li bl-istess mod kienet qed tattendi lezzjonijiet tal-pjanu mogħtija mill-akkużat.
L-akkużat akkumpanjaha barra u staqsieha jekk riditx tbusu, iżda hija rrifjutat. Huwa talab ukoll biex jara l-partijiet privati tagħha u staqsiha jekk riditx tara tiegħu. It-tifla rrifjutat u r-raġel poġġa idu fuq il-ġenitali tiegħu. It-tifla qalet lil missierha li ma riditx tattendi għa;l-ebda lezzjoni.
Ir-raġel ġie arrestat fis-27 ta’ Frar 2023. It-tifla ta’ ħames snin xehdet hekk kif iddeskriviet l-imġiba tiegħu fid-dettall u ftakret li r-raġel qalilha biex ma tgħid lil ħadd dwar l-inċident, iżda hija qalet lill-ġenituri tagħha.
It-tifel ta’ 11-il sena wkoll xehed u qal li l-akkużat mellislu sidru u saqajh u qabdu minn idu u talbu jagħmel l-istess. Meta l-akkużat ipprova jbus lit-tifel, dan qam bilwieqfa u qallu biex jieqaf. L-akkużat qallu biex ma jgħid lil ħadd dwar l-inċident.
Mara xehdet dwar bintha ta’ seba’ snin u qalet li l-akkużat kien ta bewsha fuq ħaddejha, messilha riġlejha u t-tifla ma kinitx komda b’din l-imġiba. Fl-aħħar mill-aħħar tkellmet dwar l-inċident. L-akkużat xehed fil-proċedimenti u qal li ta diversi lezzjonijiet privati u sostna li t-tifla ta’ ħames snin u t-tifel ta’ 11-il sena kienu waqfu ħesrem milli jattendu l-klassi.
Huwa sostna li kien jissuspetta li peress li kienu barranin, kienu telqu mill-pajjiż. Il-Qorti osservat li kienet qed tiffaċċja żewġ verżjonijiet opposti mill-akkużat u l-vittmi, u żiedet li dawn tal-aħħar kienu konsistenti.
Mir-rapport tal-inkjesta soċjali, irriżulta li ma kien hemm l-ebda kwistjonijiet personali, u li l-akkużat lanqas ma esperjenza xi problemi waqt li kien qed jikber.
Barra minn hekk, kien f’relazzjoni stabbli. Il-Qorti osservat li r-reati twettqu fuq perjodu qasir ta’ żmien u tqiesu bħala mhux tas-soltu. Madankollu, ma setgħetx tinjora l-ħsara psikoloġika li kkawża lill-vittmi, u l-esperti psikjatriċi rrappurtaw lura lill-Qorti li l-vittmi kienu ġew affettwati mill-inċident għalkemm ma kellhomx bżonn aktar assistenza biex jipproċessaw it-trawma.
Il-Qorti qalet li l-akkużat jista’ jkollu bżonn assistenza biex jegħleb diffikultajiet psikoloġiċi u emozzjonali li potenzjalment wasslu għal dawn l-inċidenti. Osservat li dawn huma reati serji, u l-vittmi komplew b’ħajjithom.
Il-Qorti qalet ukol li l-akkużat ma jistax jiġi fdat fil-preżenza ta’ minorenni, bl-eċċezzjoni ta’ ibnu. Ikkunsidrat ukoll li r-raġel għandu fedina penali nadifa u dejjem kellu impjieg bi qligħ.
Ir-raġel instab ħati u tpoġġa taħt probation ta’ tliet snin. Ġiet imposta ordni ta’ trattament u ordni ta’ restrizzjoni għal tliet snin f’kull każ. Huwa ġie ordnat iħallas €1,000 fi spejjeż tal-qorti. Ir-raġel kien irreġistrat u tpoġġa fir-reġistru tal-awturi ta’ reati sesswali.
Il-Maġistrat Leonard Caruana sema’ l-każ. L-avukat mill-uffiċċju tal-AĠ Sean Gabriel Azzopardi mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Joshua Grech assistew lill-akkużat.