Lokali

“Soċjetà tkun b’saħħitha meta jkollha familji b’saħħithom” – PN

Il-PN isellem lill-familji Maltin u Għawdxin kollha fil-Jum Internazzjonali tal-Familji

Soċjetà tkun b’saħħitha meta jkollha familji b’saħħithom.

Il-familja hija l-post fejn il-persuna ssib is-sostenn u l-appoġġ meħtieġ biex ikollha l-kwalità tal-ħajja li jixriqilha. Għaldaqstant, il-familja mhux biss hija l-ewwel skola fejn wieħed jitgħallem ikun ċittadin onest u ħabrieki, imma l-istess familja hija l-pedament tas-soċjetà. Soċjetà b’saħħitha għandha bżonn li jkollha familji b’saħħithom.

Fil-Jum Internazzjonali tal-Familji, il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali, Albert Buttigieg, isellem lill-familji Maltin u Għawdxin fid-diversità kollha tagħhom.

Il-PN jemmen li huwa fl-interess tal-ġid komuni li naħdmu biex ikollna politika soċjali li tħares u tagħti l-appoġġ kollu lill-familji tagħna.

Għalkemm il-familja Maltija għadha familja b’saħħitha u huma diversi dawk li fi ħdan il-familja tagħhom jikbru u jimmaturaw, f’pajjiżna llum għandna wkoll esperjenzi ta’ familji mweġġgħin.

Dan jista’ jwassal biex ikun hemm problemi soċjali, b’mod partikolari fit-tfal u ż-żgħażagħ li jkunu jgħixu fi ħdan dawn il-familji. Għalhekk huwa fl-interess tagħna lkoll li nagħtu wens lil dawn il-familji u ngħinuhom fil-vulnerabbiltà tagħhom.

Għaliex huwa fl-interess ta’ kulħadd li ninvestu fil-familji, irridu wkoll ngħinu lil koppji żgħażagħ biex dawn ikollhom l-ulied, anke fid-dawl li Malta għandha l-inqas rata ta’ twelid fl-Unjoni Ewropea.

Irridu wkoll nagħtu wens u appoġġ liż-żgħażagħ li qegħdin fil-proċess li jiffurmaw il-familja tagħhom. Dawn il-koppji żgħażagħ għandhom divesi sfidi: l-għoli tal-ħajja dejjem jiżdied, in-nuqqas ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, il-housing affordabbli u impenji finanzjarji fost oħrajn.

Għaldaqstant, bħala partit li qiegħed ikun proattiv, il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq numru ta’ miżuri differenti biex jagħti sostenn lill-familja Maltija fil-forom kollha tagħha:

  1. Żieda tal-għoli tal-ħajja sħiħa għall-ħaddiema;
  2. Tneħħija tat-taxxa fuq l-ewwel €10,000 għal min jagħmel part-time u overtime;
  3. Għajnuniet lil min se jixtri l-ewwel dar u proposti oħra marbuta mal-housing affordabbli;
  4. Proposti biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-familja, b’mod partikolari l-proposta ta’ sena sħiħa bejn leave tal-maternità u leave għal ġenituri ġodda;
  5. Għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid;
  6. Inċentivi biex ikun hemm opportunitajiet ta’ remote working;
  7. Spażji verament miftuħa għal familji.

Huwa fl-interess tal-imsieħba soċjali kollha li flimkien naħdmu favur il-familji.

Il-familja hija l-futur tagħna.