Tkompli toħroġ iktar biċ-ċar il-qasma bejn membri Laburisti, b’mod speċjali fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Il-Viċi Sindku Laburista tal-Belt, Alfred Zammit ħareġ kontra l-ġemellaġġ li qed isir bejn il-Belt Valletta u Portsmouth fir-Renju Unit. Dan wara li s-Sindku Laburista, Olaf McKay, ħareġ post fuq Facebook jgħid li l-Kunsill Lokali ngħaqad fl-iffirmar tal-ftehim ta’ ħbiberija bejn ż-żewġt ibliet biex jissaħħu r-relazzjonijiet.
Iżda, jidher li dan ma niżel xejn sew mal-Viċi Sindku Alfred Zammit hekk kif irreaġixxa għal din il-post permezz ta’ post fuq Facebook tiegħu fejn qal li filwaqt li m’għandu xejn kontra l-ġemellaġġi, huwa qies dan ma’ Portsmouth bħala “ftehim sentimentali u personali”. Zammiet qis lil Portsmouth bħala lokalità li “mhix Kapitali jew bi status tal-UNESCO” u b’hekk sostna “l-inkompatibbiltà ma’ tali proposta. B’differenza għall-Belt Kapitali ta’ Malta li hi belt storika ddikjarata mill-UNESCO bħala Wirt tal-Umanità.
Hawnhekk, Alfred Zammit qal li “għal darb’oħra ġejt injorat minkejja li jien elett demokratikament mill-poplu Belti”. Punt li juri biċ-ċar il-qasma kbira li hemm fi ħdan il-membri tal-Labour, partikolarment bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku.
Dan apparti x’seħħ waqt dan il-ġemellaġġ, bis-Sindku u l-Kunsillier, Daniel Diacono dawru dan il-ġemellaġġ li suppost joffri relazzjonijiet pożittivi bejn iż-żewġ lokalitajiet f’ġemellaġġ partiġjan. Tant hu hekk li ttieħdu għadd ta’ ritratti wara li tqassmu mkatar, brieret u anke mug, kollha bl-arma u bl-isem tal-Partit Laburista.


L-ewwel ritratt: Mix-xellug għal-lemin: Is-Sindku Olaf McKay u l-Kunsillier Daniel Diacono
Sitwazzjoni li qajmet ħafna mistoqsijiet mill-pubbliku, fosthom biex il-Beltin jingħataw aċċess sħiħ għall-aġenda marbuta ma’ dan l-avveniment, il-kontenut sħiħ u x’se jiġi diskuss, apparti dak li jintqal waqt l-avveniment.
//= $special ?>