Naqsu drastikament it-tamiet li l-gwerra tal-Ukrajna tista’ tintemm f’qasir żmien….Dan meta l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, insista li l-Mexxej Russu, Vladimir Putin, ‘ma jridx li jkun hemm il-paċi bis-serjetà’ …Akkuża oħra ta’ Zelensky kienet li Putin mhux juri tassew interess fl-impenji li jindirizzaw l-iżviluppi traġiċi ta’ konflitt li beda hu stess aktar minn tlett snin ilu.
Intant, delegazzjoni għolja mill-Ukrajna marret fil-belt Torka ta’ Istanbul biex tissieħeb f’taħditiet għall-paċi ma’ delegazzjoni mir-Russja. Dan ukoll bis-sehem tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti li qed isservi bħala medjatur għat-tmiem tal-konflitt.
Id-delegazzjoni tal-Ukrajna qed titmexxa mill-Ministru Ukren għad-Difiża, Rustem Umarov u meta d-delegazzjoni Russa f’Istanbul mhix tal-istess livell għoli….Aspett li Zelensky rrimarka dwaru b’sens ta’ rabja u diżappunt.
Mhux magħruf il-ħin eżatt għat-taħditiet f’Istanbul….Dan waqt li Zelensky sostna li l-Ukrajna tibqa’ lesta għal negozjati diretti ma’ Moska u li hu għadu dispost għal taħditiet wiċċ-imb-wiċċ ma’ Putin.
Zelensky sejjaħ biex il-komunità internazzjonali timponi aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja, waqt li kritika d-deċiżjoni ta’ Putin biex ma jivvjaġġax lejn it-Turkija wara li hu stess kien ippropona n-negozjati diretti mat-Tmexxija Ukrena.
Intant, hemm xorta stennija kbira għall-ewwel laqgħat diretti bejn id-delegazzjonijet tal-Ukrajna u r-Russja mill-2022.
Aktar kmieni fil-ġurnata, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li ‘mhu se jiġri xejn dwar il-proċess għall-paċi fl-Ukrajna’ sakemm hu u Vladimir Putin jiltaqgħu personalment ma xulxin.
Dan wara li Zelensky qal li Putin irid iqarraq meta jgħid li jinsab lest biex jikkontribwixxi għall-proposti tal-Istati Unti bil-għan li l-kanuni fl-Ukrajna jaqgħu siekta. Il-Gvern Russu, intant, kien urtat dwar il-kummenti u, permezz ta’ stqarrija, irrefera għall-President Ukren bħala ‘mexxej redikolu u tellief’.
Dan ukoll waqt li l-membri tad-delegazzjoni Russa fit-Turkija qalu li r-Russja ‘lesta biex tiddiskuti l-possibbiltà għall-kompromessi’.
Sadanittant, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, qal li l-involviment tal-Ewropa hu ‘kruċjali’ għas-suċċess tat-taħditiet għall-paċi fl-Ukrajna. Hu, ilbieraħ, kellu taħditiet mal-Ministri Ewropej għall-Affarijiet Barranin waqt li kien qed jattendi laqgħa għall-pajjiżi tan-NATO f’Antalya, fit-Turkija.
//= $special ?>