Futbol Sport

Barcelona champions ta’ Spanja għat-28 darba

(Ritratt: EPA)

Ilbieraħ filgħaxija Barcelona saru champions ta’ Spanja għat-28 darba wara li għelbu lir-rivali Espanyol 2-0 b’gowls skorjat minn Lamine Yamal u Fermin Lopez.

B’hekk meta għad fadal biss żewġ partiti għat-tmiem, huma jinsabu seba’ punti fuq Real Madrid li jinsabu fit-tieni post.

Dan kien staġun memorabbli għat-tim imexxi minn Hansi Flick li ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim fil-bidu ta’ dan l-istaġun fejn wassal lil Barcelona għar-rebħ tal-Copa del Rey u s-Super Cup Spanjola kif ukoll fi staġun rebaħ l-erba’ konfronti li kellu kontra Real Madrid. Barcelona waslu wkoll sas-semifinali tal-UEFA Champions League fejn kienu eliminati minn Inter.

B’waħda mill-iżgħar skwadri fi Spanja bl-età medja tkun ta’ 25 sena, spikkaw bosta plejers fl-iskwadra ta’ Flick li kollha għadhom żagħżagħ u li ħarġu mil-La Masia hekk kif minħabba r-regolamenti finanzjarji, Barcelona kienu kostretti milli jinvestu fil-bidu tal-istaġun.

Fost il-plejer hemm il-winger fenomenu ta’ 17-il sena Lamine Yamal li ħafna qed iqisuh bħala l-favorit li jirbaħ il-ballun tad-deheb dan l-istaġun, id-difensur ta’ 18-il sena Pau Cubarsi u anke l-midfielder ta’ 22 sena Pedri. Iżda fost dawk li spikka kien hemm il-gowlkiper Pollakk Wojciech Szczęsny li minkejja li rtira fi tmiem l-istaġun li għadda, Barcelona kkonvinċewh jirritorna bħala gowlkiper riserva ta’ Marc-Andre ter Stegen li sfortunament weġġa’ fit-tul u kien Szczęsny fl-età ta’ 35 sena li ddefenda l-lasti ta’ Barcelona fil-maġġoranza tal-partiti f’dan l-istaġun.

F’kummenti wara l-partita, il-kowċ Hansi Flick qal li dan huwa biss il-bidu għat-tim tiegħu filwaqt li Lamine Yamal irringrazzja lill-eks kowċ ta’ Barcelona Xavi għaċ-ċans li tah sabiex jiddebutta mal-iskwadra ewlenija.

Intant qabel il-partita, bosta partitarji li kienu barra l-istadium ta’ Espanyol kienu maħsuda wara li karozza saqet fuqhom. Sfortunament jidher li ħadd ma sofra ġrieħi gravi wara dan l-inċident.