Lokali Parlament

€180,920 f’reklamar mill-Ministeru ta’ Jonathan Attard

Irriżulta diġà li fi tliet Ministeri u f'dak tal-Prim Ministru ntefqu €1.3 miljun f'reklamar f'sena

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, immexxi mill-Mijnistru Jonathan Attard, nefaq l-ammont ta’ €180,920 f’reklamar li €117,220 intefqu fuq il-midja tat-televiżjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia staqsa fil-Parlament lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024.

F’mistoqsijiet li saru wkoll, fil-Parlament irriżulta li flimkien, fi tliet Ministeri u f’dak tal-Prim Ministru ntefqu €1.3 miljun f’reklamar f’sena.

L-uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari tiegħu nefqu s-sena li għaddiet fi flus f’reklamar is-somma totali ta’ €349,097.

Il-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi nefaq aktar minn kwart ta’ miljun ewro, total ta’ €268,406.1, fi flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024.

ll-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika mmexxi mill-Ministru Miriam Dalli nefaq fi flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, matul is-sena li għaddiet, l-2024, is-somma ta’ aktar minn €600,000 – eżatt total ta’ €630,780.