Summerlust 90’s jittella’ llejla, il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju, bl-għeluq tal-edizzjoni Summerlust ta’ din is-sena f’lejla ddedikata kollha għall-mużika tas-snin disgħin bil-parteċipazzjoni internazzjonali ta’ Alice DJ, ICE MC u Ema Hewitt bis-sehem ukoll ta’ Tenishia u Ryan Spiteri. Dan se tkun mingħajr ħlas, iżda se jkun hemm ukoll VIP area għal dawk li jixtru l-biljetti minn showshappening.com.
Fit-tmiem il-ġimgħa l-oħra, l-Għaxaq Music Events preżentaw żewġ kunċerti kbar, il-kunċert mimli nostalġija ta’ Chris Norman li kien il-vuċi leġġendarja ta’ Smokie, u l-kunċert ta’ mużika Taljana b’doża ta’ element pop mal-vibra Naplitana mwassal minn Gigi D’Alessio.
Kienu żewġ kunċerti li raw attendenza kbira li mlew il-gound ta’ Ħal Għaxaq. L-atmosfera sabiħa tal-pubbliku jkanta mas-siltiet ta’ Smokie nislu tant memorji sbieħ. Anke l-materjal solista ta’ Chris Norman intlaqa’ tajjeb. Il-band Maltija Different Minds fetħet il-kunċert bid-DJ Alex Grech u Pierre Cordina waslulna aktar mużika u divertiment.
Gigi D’Alessio kien spettakolari wkoll bil-prestazzjoni ta’ diversi kanzunetti li għamlulu suċċess, fosthom ‘Non Dirgli Mai’, ‘Non mollare mai’, ‘Mon Amor’ u tant oħrajn bl-ammiraturi jkantaw u jiżfnu mal-mużika tiegħu. Ivan Grech mal-band tiegħu fetaħ illejla, filwaqt li DJ Ziggy kompla jqajjem il-pubbliku preżenti.
Dawn il-kunċerti għandhom dimensjoni soċjali bil-għan li jinġabru fondi għal Dar Bjorn.
Summerlust twassal bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Aktar dettalji jinsabu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Summerlust Music Festival.

Gigi D’Alessio

Chris Norman
//= $special ?>