Il-qawwiet ta’ Iżrael qed iwettqu waħda mill-akbar offensivi s’issa fuq il-bejtiet tal-grupp Ħamas fil-Medda ta’ Gaza….Offensiva li swiet il-ħajja ta’ ‘il fuq minn 100 Palestinjan li jinkludu diversi ċivili.
L-attakki tmexxew mill-art, l-ajru u l-baħar, bil-Palestinjani li kellmu lill-istampa internazzjonali jsostnu li huma spiċċaw assedjati ‘minn kull direzzjoni’ …Dan waqt li l-ajruplani, it-tankijiet u l-bastimenti tal-gwerra tal-Iżraeljani fetħu baraxx qawwi u kontinwu fuq iz-zoni speċifiċi ta’ Gaza.
Fil-fatt, il-korrispondenti fir-reġjun fissru l-attakk mill-art bħala l-aktar assalt estensiv fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Gaza mindu l-Iżraeljani reġgħu bdew jattakkaw lit-terroristi Palestinjani wara waqfien mill-ġlied ta’ ġimgħat.
L-aġenzija għad-difiża ċivili tal-Ħamas, fil-preżent, qed tikkalkula l-ammont tal-vittmi, fost rapporti – mhumiex ikkonfermati – li nqatlu xi kapijiet tal-grupp terroristiku.
It-Tmexxija ta’ Iżrael, sadanittant, ma kkummentatx dwar l-offensiva, fost l-indikazzjonijiet li l-azzjonijiet militari kontra Gaza x’aktarx li jkomplu fuq l-istess livell estensiv fi tmiem il-ġimgħa.
Sadanittant, is-sorsi indipendenti kkonfermaw li, nhar il-Ħamis, f’Gaza, inqatlu ‘il fuq minn 120 Palestinjan – inklużi nisa u tfal – waqt sensiela ta’ attakki mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani.
Fl-istess ħin, Iżrael u l-Ħamas qed ikomplu bit-taħditiet indiretti fil-Qatar, bl-Iżraeljani jinsistu għall-ħelsien immedjat tal-għexieren tal-ostaġġi li ilhom ix-xhur miżmuma mit-terroristi fid-diversi nħawi ta’ Gaza. Intant, sal-bieraħ, ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ xi żblokk notevoli fis-sitwazzjoni.
Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet Iżraeljani qalu li kienu qed jikkonċentraw l-attakki ġodda fuq l-hekk-imsejħa faċilitajiet ‘tat-terroristi’ fit-Tramuntana ta’ Gaza. Dan fost l-insistenza tal-Iżraeljani li huma lesti biex jokkupaw mill-ġdid it-territorju kollu ta’ Gaza f’sitwazzjoni fejn il-Ħamas ma jaċċettax proposta għal waqfien mill-ġlied temporanju u li jeħles lill-ostaġġi minnufih.
//= $special ?>