Lokali

Ġbir ta’ fondi u ċelebrazzjoni għal Kate bil-kundizzjoni rari TBRS

Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Mejju 2025, se jsir avveniment speċjali fiċ-Ċentru MEYR għall-PE u Sport il-Ħamrun taħt l-isem Sports4Kate; inizjattiva mmirata biex tappoġġja lil Kate Ferriggi.

Kate qed taffaċċja kundizzjoni ġenetika rari ħafna magħrufa bħala Tatton Brown Rahman Syndrome (TBRS) u hi l-unika waħda fid-dinja b’dan il-varjant speċifiku tas-sindromu. Din il-kundizzjoni rari taffettwa persuna waħda biss minn kull seba’ miljuni.

L-għan prinċipali ta’ Sports4Kate huwa li jinġabru fondi biex jiffinanzjaw it-terapiji speċjalizzati li Kate teħtieġ – terapiji li xi kultant jeħtieġu vjaġġi barra minn Malta. L-avveniment mhux biss huwa dwar il-ġbir ta’ flus iżda wkoll ċelebrazzjoni tar-reżiljenza u l-qawwa ta’ tifla li, minkejja l-isfidi, tibqa’ timxi ’l quddiem b’kuraġġ u ottimiżmu.

Il-komunità mistiedna tingħaqad f’dan l-avveniment ħalli turi l-appoġġ tagħha u tgħin biex tagħmel differenza fil-ħajja ta’ Kate u l-familja tagħha. Din hija opportunità biex, permezz tal-isport u s-solidarjetà, tinbena sens ta’ tama u għaqda.

Wieħed jista’ jgħin billi jagħti donazjoni permezz ta’ BOV jew Revolut fuq 7953 6969.