Il-Kunsill Lokali tal-Iklin, għal darb’oħra qed itella’ Festa Fjuri, il-festival annwali li jiċċelebra n-natura, nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju. L-attività, li tinsab fit-12-il edizzjoni tagħha hija maħsuba li tippromwovi stil ta’ ħajja sana, permezz ta’ għaqda ħajja man-natura.
L-attrazzjoni ċentrali tal-attività, għal darb’oħra se tkun l-infjorata li din is-sena se tkun magħmula minn xejn inqas minn 7,000 xitla tat-tip petunja, fjura tipika ta’ dawn iż-żminijiet. Flimkien mal-infjorata, il-Kunsill Lokali ħaseb li jkun hemm numru ta’ attivitajiet u inizjattivi li jippromwovu l-valuri tal-attività.
Fil-fattn Triq Ninu Cremona f’din il-lokalità se tiġi mdawra f’ċentru għall-benesseri li jistieden lir-residenti u l-viżitaturi jipparteċipaw u jieħdu interess fin-natura. Ispirat mill-isem tal-lokalità, l-Iklin, il-Kunsill Lokali se jkun qed joffri b’xejn ‘Xarba Klin’, magħmula mill-ħwar tal-klin li għalih rinomata din il-lokalità. Xi frott frisk tal-istaġun u biċċa kejk tal-frott ma tonqosx!
L-għan tal-attività jibqa’ li jsostni sens ta’ identità fil-lokalità żagħżugħa tal-Iklin.
Waqt il-Festa Fjuri, il-pubbliku se jkun imħeġġeġ ipartat xtieli u jitgħallem dwar il-passatemp tal-ġardinaġġ. Fl-aħħar tal-attività, il-qsari kollha tal-infjorata se jitqassmu b’xejn lil dawk preżenti, biex iżejnu t-twieqi, gallariji u d-djar tagħhom.
Festa Fjuri qed issir bil-kollaborazzjoni ta’ bosta NGOs u aġenziji involuti fil-qasam ambjentali, fosthom Ambjent Malta, Project Green, ERA, Friends of the Earth, Nature Trust, St. Therese College Lija-Balzan-Iklin, Core Green, Grow 10 Trees Project u K-9 Urban Search and Rescue. L-attività se tiddedika wkoll spazju għall-artisti kemm stabbiliti kif ukoll eżordjenti, li spiss l-arti tagħhom tkun ispirata min-natura u l-pajsaġġ Malti.
Fir-rokna tad-diskussjoni msejħa Eco Cafè, il-pubbliku se jkun jista’ jitgħallem dwar diversi suġġetti interessanti li għandhom x’jaqsmu man-natura, fosthom il-pollination minn Dott Antoine Vella; l-ekoloġija minn Jeffrey Sciberras minn Nature Trust Malta; l-użu tal-ħwawar fir-riċetti ma’ Karmen Tedesco u l-Armoterapija ma’ Joyce Muscat, Dylan Farrungia mill-Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija; u Sarah Anne Abela mill-ERA li ser tagħti taħdita dwar ‘Citizen science and its impacts on pollinators’.
Festa Fjuri se ssir nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju bejn id-9:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ waranofsinhar, fi Triq Ġużè Ellul Mercer/Ninu Cremona, L-Iklin. Il-pubbliku inġenerali huwa mistieden li jqatta’ n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fir-raħal kwiet tal-Iklin.
//= $special ?>

