Lokali

Il-Kunsilli Lokali tas-Swieqi u San Ġwann b’oġġezzjoni għal żvilupp f’ODZ

Il-Kunsill Lokali tas-Swieqi u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann ressqu oġġezzjonijiet għal applikazzjoni ta’ skola privata – binja ta’ erba’ sulari f’parti minn zona barra z-zona ta’ żvilupp.

L-applikazzjoni għall-ippjanar ġiet ippreżentata mill-Iskola privata ta’ Newark, li qed tfittex li tirriloka l-operat tagħha mill-bini attwali tagħha f’Tas-Sliema għal sit ieħor.

Is-sit tal-iżvilupp jinsab f’San Gwann, iżda l-Kunsill Lokali tas-Swieqi ippreżenta oġġezzjoni għall-proġett fl-aħħar ta’ April, lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tirrifjuta l-applikazzjoni.

Il-proġett jinsab f’junction li tintuża mir-residenti biex jaċċessaw jew joħorġu minn Ta’ L-Ibragg u s-Swieqi.

Fi stqarrija ffirmata mis-Sindku Noel Muscat, il-kunsill innota li s-sit jinsab f’ODZ u li dawn iz-zoni ħodor “jeħtieġu jiġu protetti, u mhux jiġu invaditi mill-iżvilupp”.

Hu saħaq li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tkompli tippermetti li jittieklu zoni li huma ddikjarati bħala ODZ biex jagħmlu spazju għal aktar bini, bis-Sindku jisħaq li l-bini jista’ jsir biss f’zoni allokati għall-iżvilupp, inkella l-policies tal-Ippjanar jistgħu wkoll jitfarrku.

Il-Kunsill innota wkoll li l-applikazzjoni hija għar-rilokazzjoni ta’ skola eżistenti li bħalissa tinsab fiz-zona ta’ żvilupp fi Triq Parisio, f’Tas-Sliema.