Nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt se jittella’ l-kunċert tant mistenni ‘Ilħna li Jibqgħu: Klassiċi Maltin’.
Il-kunċert li huwa parti mill-programm kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-2025, se jkun wieħed indimentikabbli li se jagħti tislima xierqa lil uħud mill-aqwa kantanti li ħallewna, kantanti bi storja ta’ karriera brillanti u li tant tawna gost bil-kanzunetti u l-mużika tagħhom matul dawn l-aħħar 40 sena u aktar – l-artisti li sawru s-sens ta’ Identità Nazzjonali fil-kanzunetti tagħhom ta’ wara li Malta saret nazzjon.
Qed nirreferi għall-kantanti ċelebri Bayzo, Joe Cutajar, Enzo Gusman, The Greenfields, Joe Grech, Sammy Bartolo li kiseb suċċess man-New Cuorey, Dominic Grech l-ikona ta’ The Tramps, Jon Lucas Woodenman li kien mar l-Ingilterra u kiseb suċċess, u Tony Gauci ‘il-Kampanjol’. Min jaf kemm kantaw fil-festivals, l-aktar il-Malta Song Festivals, il-Malta Folk Song Contest li kien saru fl-1973, 1974 u 1976; u anke wkoll fl-Għanja tal-Poplu biex ma nsemmiex il-prestazzjonijiet tagħhom f’tant iljieli fil-lukandi u stabbilimenti tad-divertiment, u fil-pjazzez madwar Malta u Għawdex, kif ukoll f’mawriet qalb l-emigranti Maltin.
Għalkemm sfortunatament illum m’għadhomx aktar magħna, il-legat li ħallew warajhom permezz tal-vuċi sabiħa u tant kanzunetti klassiċi li żewqu fir-repertorju Malti se jibqa’ magħna u jibqa’ jitgawda.
‘Ilħna li Jibqgħu: Klassiċi Maltin’ se jkun kunċert kbir bis-sehem ta’ orkestra kbira, u l-artistrija vokali ta’ Georgina, Cliff Zammit Stevens, Claudia u Fabrizio Faniello, Daniel Cauchi, Sarah Bonnici, il-grupp MARA, Ludwig Galea, Kevin Paul u Claudio Teuma Castelletti.
“Dan il-kunċert huwa ċelebreazzjoni tal-għeruq tagħna filwaqt li nagħmlu spazju għall-vuċijiet tal-lum biex imexxuhom ‘il quddiem,” jistqarr Mro Paul Abela li se jkollu d-direzzjoni tal-orkesta. Huwa jgħid li dan il-kunċert se nonoraw dawn il-kanzunetti bir-rispett li jixirqilhom, filwaqt li nagħtuhom ħajja ġdida permezz ta’ arranġamenti ġodda u prestazzjoni mill-qalb.
Il-kunċert jibda fis-6pm. Biljetti minn www.showshappening.com.
//= $special ?>