Lokali

“Jekk il-Labour vera jrid ipoġġi l-ewwel l-interessi tal-Għargħurin, għandu jmur għal elezzjoni”

Ċar daqs il-kristall. Kienet mossa orkestrata mill-Partit Laburista, bil-barka ta’ Robert Abela. Mossa li fissret li marru kontra r-rieda tal-Għargħurin.

Dak li rajna l-Erbgħa filgħaxija fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur kienet biss mossa biex il-Labour jaħtaf taħt idejh it-tmexxija tal-lokalità, minkejja li r-residenti taw il-fiduċja tagħhom lil Helen Gauci f’isem il-Partit Nazzjonalista sabiex tmexxi għal ħames snin. Fejn Helen Gauci ġiet eletta bħala Sindku b’maġġoranza assoluta.

Iżda, f’manuvra wara l-oħra, il-Labour baqa’ jagħmel il-bsaten fir-roti sabiex fl-aħħar mill-aħħar ħa f’idejh il-Kunsill Lokali.

F’intervista waqt il-programm NETLIVE, Helen Gauci fissret kif hi ma trid xejn għajr li tpoġġi l-ħtiġijiet u dak li jixtiequ l-Għargħurin l-ewwel u qabel kollox. Tant li nsistiet li l-Gvern għandu jmur għal elezzjoni biex ir-residenti juru tassew x’jixtiequ.

Il-manuvri mill-kunsillieri Laburisti ilhom għaddejjin żmien twil fejn anke għażlu li jivvutaw kontra l-impjieg ta’ ħaddiem bla ebda raġuni b’riżultat li l-bibien tal-Kunsill Lokali mhux l-ewwel darba li jibqgħu magħluqin. Mossa li saret sempliċiment biex issir il-ħsara.

Il-wiegħda ta’ Helen Gauci hi li se tibqa’ li sservi lill-poplu kollu tal-Għargħur.

Biex tneħħit Helen Gauci minn sindku, il-Labour preżenta mozzjoni b’numru ta’ allegazzjonijiet; liema allegazzjonijiet fil-konfront tagħha qatt ma ġew sostanzjati. Fil-fatt, Mariah Meli – li ħatfet is-sindakat –  kkonfermat ma’ Net News li għalissa m’hemm ebda evidenza ppreżentata biex tissostanzja dak li qed jallegaw.