Lokali

L-istudenti jiżviluppaw pjanijiet għal toroq aktar sikuri u mobilità aktar nadifa f’Malta

Żewġ gruppi ta’ studenti mill-Kumitati EkoSkola tal-Kulleġġ Santu Wistin (Pietà) u l-iskola ta’ San Mikiel (Santa Venera) ippreżentaw is-soluzzjonijiet tagħhom għal toroq aktar inklużivi u favur in-nies lis-sindki taż-żewġ lokalitajiet, rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Nature Trust – FEE Malta, Riċerkaturi fl-Università ta’ Malta u Friends of the Earth Malta.

L-avveniment, parti mill-proġett MYMOBILITY, iffinanzjat mill-programm ERASMUS+, għandu l-għan li jindirizza l-impatti negattivi tal-iżvilupp u l-kultura ċċentrata fuq il-karozzi f’Malta. Din tikkontribwixxi għat-tniġġis tal-arja u l-istorbju, ir-riskji għas-sikurezza fit-toroq, u l-inugwaljanzi fit-trasport, partikolarment għall-utenti vulnerabbli tat-toroq.

Immexxi mill-Proġett Aegle Foundation bl-appoġġ ta’ Walk21, NGO internazzjonali li tappoġġja mixi sigur, komdu u pjaċevoli madwar id-dinja, il-proġett għandu l-għan ukoll li jqajjem kuxjenza fost l-istudenti dwar il-mobilità sostenibbli, id-disinn urban u l-esperjenzi tal-mixi.

Bejn Jannar u April 2025, iż-żewġ gruppi ta’ studenti, ta’ bejn it-12 u l-15-il sena, ħadu sehem f’serje ta’ workshops interattivi li matulhom ippappjaw u vvalutaw l-inħawi tal-iskola tagħhom, u ġabru data dwar l-ambjenti tat-toroq. Bl-użu ta’ għodod diġitali, użaw id-data miġbura biex jimmaġinaw mill-ġdid it-toroq ta’ madwar l-iskejjel tagħhom b’enfasi fuq is-sikurezza u s-sostenibbiltà.

Kemm is-Sindku tal-Pietà kif ukoll dak ta’ Santa Venera pparteċipaw b’mod attiv fl-avveniment, qasmu l-perspettivi tagħhom u wieġbu bil-ħsieb għall-punti kollha mqajma mill-istudenti waqt il-preżentazzjonijiet tagħhom.

Nature Trust – FEE Malta faħħret l-inizjattiva, u enfasizzat il-valur edukattiv tal-involviment tal-istudenti fil-mobilità sostenibbli bħala parti mill-portafoll tagħhom EkoSkola Green Flag.

“Dan il-proġett trawwem ħsieb kritiku, ħidma f’tim, ħiliet diġitali u ta’ taħdit fil-pubbliku – filwaqt li ta lill-istudenti opportunità reali biex jinstemgħu minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet”, qalet il-Koordinatriċi tal-EkoSkola Cynthia Caruana.

B’riżultat ta’ dan il-proġett, Walk21 ippubblikat rapport (https://walk21.com/wp-content/uploads/2025/05/My-Mobility-Malta-Walkability-Report-Walk21.pdf) biex tinforma l-politika u tipproponi interventi biex titjieb il-mixi madwar l-iskejjel f’Malta.

Fl-aħħar nett, Camille Bon, il-mexxiet il-proġett MYMOBILITY, qalet “Il-proġett MYMOBILITY juri kif l-edukazzjoni tista’ trawwem impenn ċiviku u djalogu sinifikanti, li tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex jikkontribwixxu għal futur ta’ mobilità aħjar – fejn leħinhom mhux biss jinstema’ iżda jgħin biex imexxi bidla reali.”