Lokali

L-MEP Peter Agius iżur lil Xjenza Malta għal djalogu dwar il-futur tal-finanzjament tal-UE

L-MEP Peter Agius għamel żjara uffiċjali fi Xjenza Malta nhar it-Tnejn, 12 ta’ Mejju biex jiffamiljarizza ruħu max-xogħol u l-impatt tal-istituzzjoni ewlenija ta’ Malta li tfassal il-politika tax-xjenza u tiffinanzja r-riċerka u l-innovazzjoni.

Matul iż-żjara tiegħu, l-MEP Agius intlaqa’ mill-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri, li enfasizza l-importanza li jiġi stabbilit u jinżamm djalogu mill-qrib ma’ dawk li jfasslu l-politika tal-UE, inklużi l-MEPs.

Il-maniġment superjuri ta’ Xjenza Malta u l-MEP Agius ħadu l-opportunità li jaqsmu ma’ xulxin fehmiet dwar l-aħħar strateġiji u inizjattivi tal-UE li jaffettwaw l-evoluzzjoni taz-Zona Ewropea tar-Riċerka. Il-maniġment superjuri ta’ Xjenza Malta pprovda lill-MEP Agius b’ħarsa ġenerali komprensiva tal-ħidma tal-aġenzija, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-impenn strateġiku kontinwu ta’ Malta u l-allinjament mal-politika tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-MEP Agius kellu preżentazzjonijiet dettaljati mid-Diretturi fi ħdan l-unitajiet rispettivi ta’ Xjenza Malta.

Iż-żjara serviet ukoll biex jinbeda djalogu li jħares ’il quddiem dwar il-Programm Qafas tal-UE li jmiss għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (FP10) qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) li jmiss.

Għalhekk, element ewlieni tad-diskussjoni kien qsim ta’ fehmiet dwar id-direzzjoni tal-FP10 – il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni li jmiss tal-UE, li mistenni jieħu post Horizon Europe wara l-2027, qabel l-adozzjoni tal-Qafas tal-MFF li jmiss mill-Kummissjoni Ewropea.

Bil-MFF ifassal il-prijoritajiet baġitarji tal-UE, għall-perjodu 2028–2034, l-MEP Agius enfasizza l-importanza li l-għanijiet nazzjonali jiġu allinjati mal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE li qed jevolvu biex jiġi żgurat aċċess kontinwu għal opportunitajiet kompetittivi ta’ riċerka u tissaħħaħ l-influwenza ta’ Malta fit-tfassil tal-aġendi tal-UE.

Fl-aħħar nett, l-MEP Agius ħa wkoll l-opportunità li jagħmel żjara gwidata ta’ Esplora – iċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza ta’ Malta, immexxi minn Xjenza Malta, u jiltaqa’ ma’ impjegati li spjegaw l-isforzi kontinwi biex jittejbu l-involviment u d-disseminazzjoni tal-STEM fis-soċjetà Maltija.

Xjenza Malta, flimkien ma’ Esplora, għandhom rwol ċentrali fit-tiswir tax-xenarju tax-xjenza u l-innovazzjoni ta’ Malta — billi jappoġġaw ir-riċerka xjentifika, it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza, il-kollaborazzjoni internazzjonali, u l-komunikazzjoni tax-xjenza.

Iż-żjara enfasizzat il-kontributi sinifikanti li dawn l-istituzzjonijiet qed jagħmlu lejn il-bini ta’ soċjetà innovattiva bbażata aktar fuq l-għarfien f’Malta, filwaqt li jorbtu wkoll il-prijoritajiet lokali ma’ ambizzjonijiet Ewropej usa’ tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Waqt li kien qed jitkellem fi tmiem iż-żjara, l-MEP Peter Agius irringrazzja lil dawk kollha involuti għall-kontributi tagħhom u rrimarka:“Bħala Membru Parlamentari Ewropej għal Malta u Għawdex, jiena kommess li nikkollabora mal-partijiet interessati sabiex inressqu ’l quddiem dawk il-benefiċċji tal-Ewropa li Malta tista’ tgawdi minnhom għas-soċjetà tagħna kollha, għall-ekonomija tagħna kif ukoll għall-ħaddiema tagħna.”

Huwa żied jgħid li l-Ewropa tista’ tiftaħ baħar ta’ opportunitajiet għar-riċerkaturi u l-intrapriżi tagħna sabiex ikunu innovattivi u jittrasformaw żviluppi teknoloġiċi f’opportunitajiet lesti għas-suq kif ukoll xogħlijiet ta’ kwalità għolja. “Illum kelli l-pjaċir li nilqa’ l-istedina ta’ Xjenza Malta. Rajt il-livell għoli u l-ambizzjoni ta’ tmexxija li tħares ’il quddiem ta’ din l-aġenzija.”