Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li “l-Unjoni Ewropea mhijiex biss komunità politika jew komunità ekonomika, iżda tista’ tkun tassew qawwa strateġika globali.”
Meta indirizzat lill-mexxejja tal-istati Ewropej fis-Summit tal-Komunità Politika Ewropea f’Tirana, l-Albanija, il-President Metsola qalet li l-laqgħa tal-lum kienet waħda ta’ msieħba u alleati. Bi tħejjija għas-summit mar-Renju Unit nhar it-Tnejn, il-President Metsola qalet li l-UE tfittex “li jkollha relazzjoni mill-qrib mar-Renju Unit hekk kif nimxu ‘l quddiem, f’dan iż-żmien importanti u kruċjali ħafna.” Hija ddikjarat ukoll li l-UE trid “taħdem biex tilħaq ftehim wiesa’ mal-Istati Uniti.”
Dwar l-Ukrajna, il-President Metsola qalet: “se nkunu ċari ħafna, kif dejjem konna, fl-appoġġ tagħna għall-Ukrajna. X’nifhmu b’paċi: waħda li trid tkun ibbażata fuq il-ġustizzja, fuq id-dinjità, fuq il-prinċipju tal-integrità territorjali, u qatt ma ninsew li xejn ma jista’ jsir dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna.”
Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li huwa importanti li s-summit tal-Komunità Politika Ewropea ġie organizzat fil-Balkani tal-Punent għall-ewwel darba. Hija żiedet tgħid: “se nkunu ċari aktar minn qabel, li nqisu t-tkabbir bħala rebħa għal kulħadd, kemm għall-pajjiżi li qed ifittxu li jingħaqdu iżda wkoll għall-pajjiżi li diġà qegħdin fl-Unjoni Ewropea.”
F’Tirana, il-President Metsola kellha laqgħat ma’ diversi mexxejja, inkluż il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, u l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Sir Keir Starmer.
//= $special ?>