Lokali

Nagħtu futur b’saħħtu lill-ġenerazzjoni li jmiss b’azzjoni kontra sustanzi li jagħmlu l-ħsara – PN

Il-PN jappoġġja l-appell tal-OASI għal kontroll serju fuq il-bejgħ tal-laughing gas u jinsisti fuq aktar għarfien

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-Fondazzjoni OASI u mal-eluf ta’ ġenituri Maltin u Għawdxin fl-appell għal aktar regolamentazzjoni fuq il-bejgħ bla xkiel tal-ossidu nitruż magħruf bħala laughing gas.

Fi stqarrija, ix-Shadow Ministers Darren Carabott, Alex Borg, Graziella Attard Previ u Allbert Buttigieg, saħqu li l-fatt li tfal qed jingħataw dan il-gass bħala forma ta’ ċelebrazzjoni jew rikreazzjoni, inkluż minn adulti f’pożizzjoni ta’ fiduċja, huwa inkwetanti u inaċċettabbli.

Il-Fondazzjoni OASI ppreżentat dokument li jitkellem dwar l-użu ta’ dan il-gass perikoluż, fosthom minn tfal li ngħataw il-gass minn adulti li kienu responsabbli għalihom biex jiċċelebraw avveniment sportiv.

F’każ partikolari, persuna spiċċat l-isptar. Dawn huma sinjali allarmanti ta’ problema li qed tikber bla kontroll. L-OASI tat indikazzjoni li din tista’ tkun problema akbar f’Għawdex wara li nstabu diversi kontenituri ta’ din is-sustanza anke qrib xi skejjel.

In-nitrous oxide, jew kif inhu magħruf, il-laughing gas, huwa użat fil-kamp mediku u jista’ jikkawża problemi fiżjoloġiċi, mentali u anke problemi ta’ dipendenza.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex immedjatament jagħti kas ta’ dawn is-sejħiet u jdaħħal fis-seħħ liġijiet b’saħħithom b’rabta mad-distribuzzjoni u l-bejgħ tal-ossidu nitruż:

·     Ikun illegali li jsir bejgħ lil min għandu inqas minn 18-il sena;

·     Ma jkunx jista’ jsir bejgħ minn ħwienet li jbigħu alkoħol u tabakk, bars jew klabbs;

·     Jiddaħħlu pieni ħorox kontra adulti li jagħtu dan it-tip ta’ gass lit-tfal;

·     Ikun projbit l-użu rikreazzjonali, partikolarment fi spazji pubbliċi jew qrib skejjel; u

·     Ikun hemm il-ħtieġa ta’ avviżi ta’ twissija u limitazzjonijiet fuq l-ammont li jista’ jinxtara f’daqqa.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ f’politika ta’ edukazzjoni. Jemmen li dawn l-episodji jistgħu jiġu kkontrollati permezz ta’ għarfien u informazzjoni. Kull politika effettiva trid tibda mill-għarfien u jeħtieġ naraw li ġenituri, għalliema, u fuq kollox it-tfal infushom ikunu jafu xi jfisser l-użu ta’  sustanzi bħal-laughing gas.

Ix-Shadow Ministers saħqu li rridu nagħtu lill-ġenerazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin li tiela’ l-għodod biex jagħżlu dak li hu tajjeb, u noħolqu ambjent u spazji ta’ appoġġ u informazzjoni, mhux biss regoli.

Irridu noħolqu kultura ta’ rispett lejn is-saħħa, mhux kultura li tagħlaq għajnejha għal dak li qed jiġri fil-prattika.

Il-Gvern m’għandux jaħli ħin u għandu jieħu azzjoni immedjata biex jipproteġi s-saħħa pubblika u l-futur tal-ġenerazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin li jmiss.