minn Joe M. Zahra
Iż-żieda fl-inflazzjoni tfisser żieda fil-prezzijiet. Tfisser li kulma jogħla minn barra se jinħass f’pajjiżna anke b’rata ogħla minn dik li l-prezz ikun ogħla barra bejn għaliex aħna bħala gżira rridu nħallsu tat-trasport bil-baħar u anke għaliex kull prodott li jogħla awtomatikament se togħla miegħu l-VAT.
Hemm ukoll l-inċertezzi li qed joħloq Donald Trump bil-politika tiegħu tat-tariffi. Sensiela ta’ tariffi li qed jagħmlu ħsara irreparabbli lis-sistema kummerċjali tad-dinja li nbniet fl-aħħar 80 sena. Il-mod kif dawn it-tariffi qed jiġu imposti hu, kif sejħilhom dan l-aħħar l-aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali, dilattentesk. Ma tqabbadx u tbiddel ir-rati minn jum għall-ieħor kif ma taqbadx u timponi tariffi ta’ iktar minn mija fil-mija għaliex hekk ikun deherlek. Kollox irid isir bi ħsieb u wara konsultazzjoni ma’ kulħadd. Mhux l-ewwel tfattarha u mbagħad tara kif tbenġilha!
Milli jidher l-anqas l-Unjoni Ewropea mhi se toqgħod ċiċċi għal dawn it-tariffi li jekk ma jinstabx ftehim għalihom lesta tieħu kontro-miżuri.
Il-mira tat-tnejn fil-mija
Il-mira tal-banek ċentrali madwar id-dinja hi li r-rata tal-inflazzjoni tinżamm stabbli għal mhux iktar minn tnejn fil-mija. Din il-mira tinlaħaq billi l-banek ċentrali jgħollu r-rata ta’ imgħax biex hekk ikun iktar diffiċli biex wieħed jixtri u hekk b’inqas xirja l-prezzijiet jistabilixxu ’l isfel.
Din il-politika tat-tnejn fil-mija ma togħġobx lill-mexxejja kollha. Segwejnieha fit-Turkija fejn il-Bank Ċentrali mhux l-ewwel darba kien taħt il-mira tal-President Erdogan. Issa qed narawha fl-Istati Uniti fejn il-President Amerikan Donald Trump mhux kuntent b’Jerome Powell, il-President tal-Federal Reserve, ekwivalenti għall-Gvernatur ta’ Bank Ċentrali. Dan ma jridx ibaxxi iktar ir-rata tal-imgħax.
Powell jemmen li l-istabbiltà fil-prezzijiet tinkiseb aħjar b’banek ċentrali indipendenti milli minn banek ċentrali li jxaqilbu lejn il-kapriċċi tal-gvernijiet. Il-banek ċentrali qegħdin hemm biex iżommu l-polz tas-sitwazzjoni u jaġixxu skont l-istampa li jkollhom quddiemhom.
Il-fattur żejt
Il-fattur taż-żejt hu wieħed importanti. Għal xi żmien, minħabba l-invażjoni Russa tal-Ukrajna ż-żejt ogħla. Qatt daqs l-2008 meta qabeż il-140 Dollaru Amerikan il-barmil żejt mhux maħdum! Kien mistenni li jitla’ 100 dollaru. Ċifra li ma ntlaħqitx. Il-Gvern Malti ħadem fuq din iċ-ċifra meta ssussidja l-prodotti taż-żejt u l-elettriku.
Illum il-prezz taż-żejt mhux maħdum hu ta’ madwar 60 dollaru l-barmil. Prezz li jista’ jkun li wassal biex m’hemmx bżonn iktar sussidji. Prezz li mistenni jkompli jinżel wara d-deċiżjoni tal-pajjiżi tal-OPEC+ li jżidu l-produzzjoni taż-żejt. Dan għandu jwassal biex il-Gvern jiffranka għexieren ta’ miljuni li kien qed joħroġ f’sussidji.
Bħalissa hemm diversi pajjiżi fejn l-inflazzjoni fuq iż-żejt mhux biss niżlet iżda tinsab taħt iz-zero bir-riżultat li r-rata tal-inflazzjoni tagħhom ukoll spiċċat taħt iz-zero.
Dan kollu jfisser li l-probabbiltà hi li l-inflazzjoni f’pajjiżna hi kollha frott l-importazzjoni minn barra li fil-proċess u sakemm dawn il-prodotti jaslu Malta jogħlew iktar.
Għal sitwazzjoni bħal din il-Partit Nazzjonalista issa ilu snin li ħareġ b’soluzzjonijiet. Biex iż-żieda fit-tariffi tat-trasport bil-baħar ma taffettwax il-prezz tal-prodotti impurtati l-Partit Nazzjonalista fil-gvern iwaqqaf fond apposta biex sew l-importaturi kif ukoll l-esportaturi jiġu megħjuna jagħmlu tajjeb għal din iż-żieda.
Il-kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju jingħataw ‘tax credits’ biex iż-żidiet li jingħataw il-ħaddiema għall-għoli tal-ħajja ma jiżdidux mal-prezz tal-prodott u hekk ikomplu jogħlew il-prezzijiet.
Miżura oħra, li jirriżulta li jaqbel magħha kulħadd barra l-Gvern, hi li ż-żidiet għall-għoli tal-ħajja ma jkunux intaxxati kif huma sal-lum. Hekk iż-żieda tingħata sħiħa u mhux bin-nuqqas.
Dawn huma miżuri li jnaqqsu l-impatt tal-għoli tal-ħajja. U fl-istess waqt iwasslu biex r-rata tal-inflazzjoni ma tkomplix togħla. Jekk ma neħdux il-passi kollha neċessarji nidħlu f’ċirku vizzjuż fejn l-għoli jġib miegħu iktar għoli u hekk l-inflazzjoni terġa’ tilħaq il-livelli ta’ sentejn ilu bir-riperkussjonijiet kollha li din ikollha fuq l-ekonomija u l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 16 ta’ Mejju, 2025.