Lokali

“Pass kbir lura fejn tidħol it-trasparenza”

“Pass kbir lura fejn tidħol it-trasparenza.”

Għal darb’oħra l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika saħaq li l-aġir tal-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, huwa inaċċettabli u qed ikompli jakkes it-trasparenza fil-politika.

Dan wara li l-Gvern qed jibqa’ jirrifjuta li jippubblika l-assi tal-Kabinett – anke wara pressjoni kbira mill-Kummissarju tal-Istandards, ġurnalisti u l-Partit Nazzjonalista.

Robert Abela, fil-fatt, għadu ma ppublikax id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023 fil-Parlament.

Din l-informazzjoni hija essenzjali biex jinkixef l-abbuż ta’ poter u l-ġid li ma jistax jiġi spjegat… u hija għodda kontra t-tixħim u forom oħra ta’ korruzzjoni.

Intant, dan l-appell min-naħa tal-Kummissarju qed isir wara bosta xhur ta’ appelli oħrajn sabiex il-Gvern ikun ta’ eżempju u jippubblika l-assi tal-Kabinett, inkluż tal-Prim Ministru.

Madanakollu, anke wara bosta mistoqsijiet min-naħa ta’ dan l-istazzjon, b’mod partikolari lil Robert Abela nnifsu, huwa baqa’ jisħaq li jrid ibiddel il-mod kif il-Kabinett iressaq quddiem il-Parlament l-assi tiegħu. Dan anke wara premessa ta’ snin sħaħ fejn il-Kabinett, sena wara sena, b’amministrazzjonijiet varji baqa’ jagħmel dan.

Il-Kummissarju tal-Istandards lura fi Frar li għadda kien bgħatt ittra lil Prim Ministru sabiex jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-fatt li l-assi għas-sena 2023 għadhom jidhru ‘l bogħod. Hu fakkar ukoll kif il-Kunsill ‘Greco’ – kunsill Ewropew kontra l-korruzzjoni kien ukoll appella lill-pajjiżi Ewropej sabiex jieħdu bis-serjetà id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-mexxejja u sabiex dawn ikunu kemm jista’ jkun aċċessibbli għall-poplu kollu.

Intant, il-Prim Ministru qed jibqa’ jinjora dawn l-appelli sabiex quddiem il-poplu jkun kontabbli – u migħajr ebda ħabi – jippubblika kemm jista’ jkun malajr l-assi tiegħu u tal-kumplament tal-membri tal-Kabinett.

Din hi l-iktar darba li d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Prim Ministru, tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari se jiġu ppreżentati tard fil-Parlament.