Lokali Qorti

“Sibtu wiċċu ‘l fuq b’żewġ feriti fil-garaxx” – Ħabib ta’ Dr. Carmel Chircop – Isir l-aċċess bil-“Koħħu” jispjega lill-ġurati

“Sibtu wiċċu ‘l fuq b’żewġ feriti minn tiri. Noqgħod biss ħames minuti ‘l bogħod mill-kumpless ta’ garaxxijiet fejn kien jipparkja l-karozza. Jien ukoll kelli garaxx fl-istess kumpless u kont nafu. Konna niltaqgħu kuljum biex noħorġu l-karozza għax kellna l-garaxx biswit xulxin.

“Kont iltqajt ma’ ħabib tiegħi filgħodu waqt li kont barra bil-kelb tiegħi u dan qalli li kien sema’ erba’ tiri. Mort lura d-dar u wara bqajt sejjer fil-kumpless u hemm rajt lill-Avukat Carmel Chicop mixħut mal-art”. Kommoss u jixhed b’ċertu dieqa kien Augustine Grixti li kienet l-ewwel persuna li sabet lill-vittma mejjet fejn il-karozza tiegħu fil-garaxx.

Grixti qal li ra l-bieb tal-garaxx ta’ Chircop miftuħ. Kien jarah hemm kuljum, qal, imma din id-darba nnota saqajn persuna mal-art ħerġin mill-bieb. “Għajjatlu, u ma weġibnix, allura mort ħdejh. Sibtu wiċċu ‘l fuq b’żewġ feriti… idu l-leminija kienet għadha tiċċaqlaq,” qal Grixti. Imbagħad ċempel 112. Chircop kellu ġrieħi fil-parti ta’ fuq u t’isfel tax-xellug ta’ fuq ta’ sidru, żied jgħid Grixti.

Ix-xhud qal li żewġ pulizija nisa mill-Għassa ta’ Birkirkara kienu l-ewwel fuq il-post. Imbagħad waslu l-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit. Mistoqsi mid-difiża jekk rahx karozzi deħlin jew ħerġin mill-kumpless, Grixti qal li sakemm kien hemm hu ħadd ma daħal jew ħareġ mill-kumpless.

Dan it-tagħrif ingħata fil-ġuri li qed jinstema’ f’awla 22 kontra erba’ rġiel li issa daħal fl-20 ġurnata tiegħu b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 u l-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Fil-ġuri li qed tippresedi l-Imħallef Edwina Grima, qed jiġu akkużati l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa aħjar bħala Ta’ Maksar, kif ukoll Jamie Vella (rittatt) u George Degiorgio, li qed jiffaċċjaw akkużi differenti b’konnessjoni mal-qtil ta’ Chircop.

Chircop kien inqatel fit-8 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017. Adrian Agius huwa akkużat li kkummissjona l-attakk fuq l-avukat, li l-prosekuturi jallegaw li twettaq bil-kompliċità ta’ ħuh Robert, flimkien ma’ Vella u Degiorgio. Robert Agius u George Degiorgio magħruf bħala “Iċ-Ċiniż, huma akkużati li pprovdew il-bomba fl-assassinju ta’ Caruana Galizia. L-irġiel kollha qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

L-aċċess f’Birkirkara, Santa Venera u l-Marsa

Il-ġuri b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop, ħa żvolta wkoll hekk kif waranofsinhar beda jsir l-aċċess fil-binja tal-garaxxijiet f’Birkirkara fejn inqatel l-Avukat Carmel Chircop u wara aċċess f’garaxx Santa Venera u Tiger Bar fil-Marsa.

Fost sigurtà kbira bil-ġurnalisti il-bogħod mix-xena ta’ fejn kien sar id-delitt il-ġurati fil-post b’Vince Muscat, “Il-Koħħu” li kixef il-każ u ngħata l-proklama fuq il-qtil ta’ Chircop jispjega lill-ġurati kif seħħ il-qtil u r-rotta li ħadu l-qattiela biex ħarbu minn fuq il-post.

Is-Sibt, imbagħad, isir l-aċċess fil-Bidnija fl-inħawi tar-residenza ta’ Daphne Caruana Galizia u fejn hi spiċċat inqatlet. Se jsir ukoll l-aċċess f’dik imsejjħa Vantage Piont fejn kienet issir l-għassa għall-movimenti ta’ Daphne Caruana Galizia, il-compund tal-Pulizija f’Pembroke, it-Tinda tal-patata fil-Marsa u f’garaxx ġewwa l-Marsa.

Filgħodu komplew jinstemgħu iktar xhieda b’rabta mal-każ fejn kienu s-Surġenti Kristian Mintoff u Clinton Caruana l-ewwel xhieda fil-ġuri fil-konfront ta’ erba’ rġiel li qed jiġu akkużati b’rabta mal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dawn ħadmu flimkien fuq xogħol li għamlu fil-blokka tal-garaxxijiet fejn inqatel l-Avukat Chircop.

Mintoff ħa ħsieb numru ta’ swabs li ttieħdu filwaqt li Caruana ġibed numru kbir ta’ ritratti li dawn ġew mgħoddija għal aktar analiżi. Huma għamlu tiftix għal kull evidenza li seta’ kien hemm. Fir-rigward ta’ garaxxijiet oħrajn ma sar l-ebda tiftix għax in-nomina tagħhom kienet biex issir fix-xena tar-reat.

Saru testijiet fuq il-bieb prinċipali tal-garaxx u dak tal-komun. Qalu li għamlu x-xogħol tagħhom skont il-prassi forensika u dak li tqabbdu mill-Ispetturi diversi fosthom dawn tad-distrett u s-Sur Keith Arnaud, dakinhar Spettur fit-Taqsima tal-omiċidji u llum Asssistent Kummissarju tal-Pulizija,

Is-Surġenti fix-xhieda tagħhom qalu li għamlu x-xogħol tagħhom fuq indikazzjoni tal-Maġistrat inkwerenti u l-esperti. Ix-xhieda qalu li kienu ħadu ritratti tal-Avukat Carmel Chircop fejn huma elevaw kampjuni biex jiġu analizzati minn naħa tal-forensika tal-Pulizija. Ġew elevati wkoll xi swabs liema ritratti tax-xogħol kollu li sar bdew jintwerew fuq il-monitor lill-ġurati.

Saħqu li saru eżamijiet fuq il-bieb tal-garaxx fejn instabu xi frammenti li saru permezz ta’ balal. Daqs tal-balal kienu bejn wieħed u żewġ ċentimetri. Huma qalu li kienu elevati ħafna oġġetti li nstabu fil-garaxx u li huma ħadmu wkoll mal-espert tal-Qorti Mario Scerri.

Ix-xhieda ppreżentaw lill-Qorti dokument bid-dettalji tal-kumpless tal-garaxx fejn instab il-katavru ta’ Chirchop. Ir-rapport jinkludi serje ta’ ritratti meħuda fuq il-post tad-delitt, b’rakkont viżwali tal-kundizzjoni u l-post fejn instabet il-vittma.

Ir-ritratti juru l-ġisem ta’ Chirchop mixħut mal-art b’parti minn rasu mdaħħla taħt il-bamper ta’ quddiem tal-karozza tiegħu u saqajh jidhru mid-daħla tal-garaxx. Ix-xhieda qalu li huma elevaw ukoll erba’ loqom tas-sigaretti fil-komun li għaddewhom lil espert tal-Qorti Marisa Cassar.

Wara xehed l-eks kuntistabbli Duncan Dimech, li kien jaħdem fit-Taqsima tal-Investigazzjoni tal-Pulizija, li qal li fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop kien involut fis-sens li kienu qed isegwu karozza partikolari u li però lanqas numru tagħha ma kellhom. Kienu ħadu xi filmati tas-CCTV. Huwa kienu qed isegwu karozza minn lokalità għal oħra.

Tenna li sakemm kien xogħol hu din il-karozza partikolari kienet segwita sal-akkwadotti f’Santa Venera. Qal li struzzjonijiet kien ħadhom mingħand Keith Arnaud. Huwa qal li dan sar l-għada tal-qtil ta’ Chircop li jfisser li mill-għada stess kien hemm suspett fuq karozza partikolari.

Infurmat li karozza tal-kiri kienet qed tmur il-Bidnija

Fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia qal li kien mar ma’ tim fil-Bidnija. Kienu ċċekkjaw cameras fuq dħul u ħruġ ta’ dawk l-inħawi. Qal lill-Qorti li kien mar ikellmu ċertu Wallis Sammut, li kien jgħix fil-Bidnija. Sammut qallu li kien ra karozza bajda tal-kiri fl-inħawi ta’ spiss – sal-jum li fih seħħ il-qtil. U li dan kien iħobb iħuf fejn id-dar ta’ Caruana Galizia.

Qallu Ii l-karozza kellha pjanċa tan-numru li tispiċċa b’Q Z. Dimech qal li l-karozza kienet ipparkjata fiz-zona li tħares lejn il-Bidnija. Dimech u spettur ieħor kienu marru fuq il-post u kien hemm kantun u hemm sabu loqma ta’ sigarett, u ppreservaw l-evidenza sakemm it-tim forensiku ġie biex jiġborha. Dan jiġi eżatt faċċata tad-dar ta’ Caruana Galizia.

Qal ukoll li mar ukoll taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa mal-kollegi tiegħu u li kien parti minn tim tal-Pulizija li marru fuq il-post. Wara xehed rappreżentant tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi. Dr. Ismael Buttigieg, li kkompila inventarju tal-assi tal-irġiel akkużati u ppreżenta kopja lill-Qorti u lill-partijiet. Huwa wera fajl imdaqqas mimli dokumenti.

Wara xehdet Marisa Cassar li tkellmet dwar swabs li għamlet fuq il-ħwejjeġ u fuq xi loqom ta’ sigaretti. Wara xehed Augustine Camilleri li qal hu joqgħod ħames minuti bogħod minn fejn inqtel Grech u li filgħodu joħroġ il-kelb. Iltaqa’ ma ħabib tiegħu u kien qallu li kien sema’ xi tiri li hu ma semax.

L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lil Adrian Agius. L-Avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jassistu lil Jamie Vella.

L-Avukati Alfred Abela u René Darmanin qed jassistu lil Robert Agius. L-Avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia. L-Avukat Vince Galea qed jassisti lill-familja Chircop.