Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, telaq lura lejn pajjiżu wara sensiela ta’ żjarat fil-pajjiżi tal-Golf u l-Lvant Nofsani.
U waqt it-titjira, hu kellem lill-ġurnalisti li kienu miegħu fuq l-ajruplan fejn sostna li ‘l-Istati Uniti teħtieġ li tgħin lill-Palestinjani’. Dan ukoll fost l-għarfien għall-fatt li ‘ħafna nies qegħdin imutu bil-ġuh f’Gaza’.
Trump esprima twemmin li ‘se jsiru ħafna affarijiet tajbin f’Gaza matul ix-xhur li ġejjin’ u mingħajr ma hu żvela d-dettalji.
Fl-istess ħin, il-President Amerikan baqa’ kawt meta l-ġurnalisti staqsewh hekk hu qed jappoġġja l-pjan tal-Iżraeljani biex jestendu l-offensiva f’Gaza. Ir-risposta ta’ Trump, f’dan il-każ, kien li ‘wieħed irid jistenna u jara x’se jiġri’.
Trump kien ukoll kawt meta l-media staqsietu dwar pjan potenzjali biex il-Ħamas ikun sfurzat li jċedi l-poter f’Gaza – bil-President iwieġeb li ‘l-Istati Uniti għandha tevalwa u tikkunsidra l-għażliet kollha’.
Hu, fl-istess ħin, saħaq li qed tingħata kull priorità lill-isforzi għall-ħelsien tal-ostaġġi miżmuma mit-terroristi Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza.
//= $special ?>