Internazzjonali

Ukrajna-Russja:  Qbil dwar l-iskambju ta’ priġunieri wara l-ewwel laqgħat diretti fi tlett snin

.

L-Ukrajna u r-Russja, fl-aħħar sigħat, qablu dwar skambju ta’ priġunieri waqt l-ewwel taħditiet wiċċ-imb-wiċċ għal tlett snin, li saru fil-belt Torka ta’ Istanbul,

Filwaqt li ma kien hemm l-ebda impenn konkret għat-tmiem tal-gwerra min-naħa tar-Russja, ir-rappreżentanti tal-Kremlin qablu biex jeħilsu mal-1,000 priġunier Ukren bi skambju ma’ 1,000 priġunier ieħor miżmuma mill-Ukrajna..

Mhix magħrufa d-data għal meta l-iskambju tal-priġunieri jkun realizzat, iżda l-ftehim qed jitqies bħala pass pożittiv waqt il-laqgħat f’Istanbul li xi osservaturi fissruhom bħala ‘pass ‘il quddiem minn aspett simboliku’.

L-Ukrajna, waqt it-taħditiet, insistiet ukoll biex, ‘il quddiem, isiru taħditiet diretti mal-President Russu Vladimir Putin. Dan wara li d-delegazzjoni Russa f’Istanbul ma kenitx daqstant ta’ livell għoli — b’Moska, fl-aħħar sigħat, tibgħat messaġġ li  innutat it-talba tal-Ukreni.

Madankollu, it-tensjoni bejn il-pajjiżi fl-ebda ħin ma battiet, bil-President Ukren, Volodymyr Zelensky, wara, iħeġġeġ għal reazzjoni qawwija mill-potenzi tad-dinja, inkluża l-Istati Uniti, f’każ li r-Russja ma timpenjax ruħha f’qasir żmien għal waqfien mill-ġlied konkret.

Zelensky, li kien qed jattendi għal summit fuq livell Ewropew fl-Albanija, qal li hu u mexxejja oħrajn tad-dinja ddiskutew l-iżviluppi waqt it-taħditiet ta’ Istanbul u li l-Mexxejja ta’ Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-Polonja anki indirizzaw l-issue mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump. Fl-istess ħin, il-Mexxej Ukren saħaq dwar il-ħtieġa li l-pajjiżi jżommu l-pressjoni fuq ir-Russja sakemm Putin ikun lest ‘tassew’ li jimpenja ruħu għall-paċi.

Il-laqgħat f’Istanbul saru, fil-fatt, wara li ma seħħitx il-laqgħa ferm mistennija bejn Zelensky u Putin…Prospett li sfuma fix-xejn  minkejja l-offerti ripetuti ta’ Zelensky biex hu u l-Mexxej Russu jiddiskutu bejniethom l-iżviluppi tal-gwerra li ilha għaddejja fl-artijiet tal-Ukreni minn Frar tal-2022.

Fl-istess ħin, din kienet l-ewwel darba li d-delegati taż-żewġ Stati avversarji ltaqgħu madwar mejda mill-2022…. Taħditiet li  kienu faċilitati minn diversi uffiċjali tal-Gvern Tork, fosthom il-Ministru għal-Affarijiet Barranin, Hakan Fidan.

Madankollu, il-membri tad-delegazzjonijiet fl-ebda ħin ma ħadu b’idejn xulxin u meta, fl-aħħar sigħat, is-sorsi Ukreni żvelaw li Moska kienet insistiet biex l-Amerikani ma jkunux preżenti f’Istanbul bħala kundizzjoni biex id-delegazzjoni Russa tipparteċipa fit-taħditiet.

L-istess sorsi qalu li l-Ukreni marru f’Istanbul b’mandat ċar u determinazzjoni kbira biex huma jaslu għal xi forma ta’ ftehim mar-Russja.

Fl-istess ħin, ma naqsux l-akkużi li r-Russi ħsiebhom biss biex jirbħu aktar żmien ħalli jkunu jistgħu jkomplu jattakkaw lill-ibliet tal-Ukrajna anki waqt li jilgħabuha li huma lesti għan-negozjati.

Fil-verità – u minkejja l-aħħar taħditiet —  l-Ukrajna u r-Russja xorta qegħdin jidhru ‘il bogħod sew minn ftehim konkret għall-paċi…Madankollu, it-taħditiet f’Istanbul qed jitqiesu wkoll bħala ‘pożittivi’ fit-Turkija li hi fost il-ftit pajjiżi li żammew ir-relazzjonijet tajbin mar-Russja u daqstant ieħor l-Ukrajna.