Internazzjonali

Yuval Raphael: Fost il-favoriti għall-Eurovision…iżda qed tqanqal ukoll l-ostilità bħala ‘rappreżentanta ta’ pajjiż li jippromwovi l-ġenoċidju’

Il-fatt li l-kantanta li qed tirrappreżenta lil Iżrael għaddiet mingħajr problemi għall-finali tal-Eurovision kompla jżid mal-kontroversja dwar id-dritt ta’ dan l-pajjiż li jikkompeti f’dan il-konkors mużikali mill-aktar segwit fost id-dilettanti madwar l-Ewropa.

Il-kantanta, Yuval Raphael, kienet salvat b’miraklu mill-attakki storiċi li t-terroristi Palestinjani tal-Ħamas kienu wettqu fuq l-Iżraeljani f’Ottubru tal-2023 u ħafna nies qed ifaħħruha għall-‘mentalità b’saħħitha li għenitha tkompli b’ħajjitha u l-karriera tagħha’ wara esperjenza daqstant trawmatika.

Iżda l-kontroversja dwar il-parteċipazzjoni ta’ Iżrael fil-Eurovision ta’ Basel (fl-Iżvizzera)  qed tbaqbaq sew u bħalma kien il-każ waqt il-Eurovision tas-sena l-oħra li saret fl-Iżvezja. U mhux eskluż li, fis-sigħat li jmiss, ikun hemm aktar forom ta’ protesti dwar Yuval Raphael wara li numru ta’ dimostranti kienu pruvaw iħassrulha d-dress rehearsal ta’ qabel it-tieni semi-finali tal-konkors matul i-lejl tal-Ħamis.

Raphael, li għandha 24 sena, kienet qed tinterpreta l-kanzunetta ‘New Day Will Rise’ waqt il-preview show tal-Ħamis meta sitt persuni armati bl-isfafar u bnadar tal-Palestinjani għamlu minn kollox biex ifixklu din l-interpretazzjoni. Intant, il-membri tas-sigurtà ma damux biex ikeċċu lid-dimostranti ‘il barra mill-arena ta’ St  Jakobshalle fejn qed ikun organizzat il-festival.

L-inċident, sadanittant, ma affettwax il-performance ta’ Raphael li, aktar tard, interpretat b’suċċess il-kanzunetta tagħha li kienet fost l-ewwel li għaddiet mit-tieni semi-finali…..Dan meta Iżrael qed jissemma wkoll fost ‘il-ħames pajjiżi favoriti għar-rebħ tal-Eurovision ta’ din is-sena’.

 Fost in-nies li qed jopponu għall-parteċipazzjoni ta’ Iżrael fil-Eurovision hemm il-personalitajiet – anki fil-qasam tal-ispettaklu — li qed jinsistu biex Raphael tkun eskluża minn festival ta’ kant ibbażat fuq l-ispirtu ta’ ħbiberija, tolleranza u koeżistenza. Dan għaliex hi, fi kliemhom, hi qed tirrappreżenta pajjiż li jippromwovi l-ġenoċidju u politika ta’ gwerra kontinwa.

Fl-aħħar jiem ukoll, ix-xandara fi Spanja, l-Irlanda u s-Skovenja kienu talbu għal dibattitu dwar is-sehem ta’ Iżrael fil-Eurovision u meta fl-aħħar sigħat saru anki l- protesti min-nies li jissimpatizzaw mal-kawża Palestinjana fit-toroq ta’ Basel.

Fil-preżent, il-militar Iżraeljan qed jintensifika l-bumbardamenti fuq Gaza waqt li qed iwaqqaf it-trasport tal-ikel u provvisti umanitarji oħra lill-familji Palestinjani li jgħixu f’dak it-territorju.