Futbol Sport

Carlo Ancelotti l-ewwel kowċ barrani li se jikkowċja l-Brażil

(Ritratt: EPA)

Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Federazzjoni tal-Futbol tal-Brażil ħabbret li Carlo Ancelotti se jkun il-kowċ il-ġdid tal-Brażil fejn se jkun qed imexxi lit-tim għat-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla li ser ssir fl-Istati Uniti.

Ancelotti se jkun l-ewwel kowċ barrani li se jikkowċja lill-Brażil hekk kif il-kowċis kollha preċendenti kienu Brażiljani. Hu se jkun qed jieħu f’idejh it-tmexxija tat-tim mis-26 ta’ Mejju fejn l-impenji tiegħu se jkunu partiti mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra l-Paragwaj u l-Ekwador.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali l-FA Brażiljana qalet li dan huwa mument importanti hekk kif iddiskrivew lil Ancelotti bħala ikona tal-futbol li se jkun qed imexxi tim li huwa ikona fil-futbol mondjali. Hu se jkun qed jieħu post Dorival Junior li ġie rilaxxat minn mat-tim f’Marzu li għadda.

Din se tkun l-ewwel esperjenza għall-kowċ Taljan ta’ 65 sena fix-xena internazzjonali hekk kif sa llum dejjem kien kowċ ta’ klabb. Ancelotti fil-preżent huwa l-kowċ ta’ Real Madrid fejn dan l-istaġun jista’ jitqies bħala l-aktar wieħed diżappuntanti hekk kif se jkun qed itemm l-esperjenza tiegħu fi Spanja mingħajr unuri.

It-tieni esperjenza tiegħu fit-tmexxija ta’ Real Madrid, mill-2021 sa llum pero xorta tista’ titqies bħala waħda ta’ suċċess hekk kif wassal lil Real Madrid biex jirbħu darbtejn il-La Liga u darbtejn ċ-Champions League. Post Ancelotti ma’ Real Madrid se jkun qed jittieħed mill-promessa fix-xena tat-tmexxija tal-futbol Xabi Alonso.

Jidher ukoll li Ancelotti diġa beda taħditiet ma’ bosta plejers li jixtieqhom ikunu parti mill-iskwadra tal-Brażil. Fost dawn hemm Neymar li jinsab jilgħab ma’ Santos fil-Brażil u anke Casemiro li jilgħab ma’ Manchester United fejn minkejja li ma kienx imsejjaħ fl-aħħar skwadri tal-Brażil, Ancelotti jxitieq jerġa għal darb’oħra jaħdem mal-plejer.

L-esperjenza ta’ Ancelotti bħala kowċ hija waħda vasta u ta’ suċċess. Wara li rtira minn plejer hu serva bħala assistent kowċ ta’ Arrigo Sacchi mat-tim nazzjonali Taljan. Ftit wara kellu l-esperjenza tiegħu bħala kowċ ma’ Reggiana fejn wassalhom sas-Serie A. Minn hemm issieħeb ma’ Parma fejn ma rnexxielux jirbaħ unuri.

Fi Frar tal-1999, Ancelotti nħatar kowċ ta’ Juventus bl-unika unur li jirbaħ ikun l-Intertoto Cup. F’Novembru ta sentejn wara, Ancelotti nħatar kowċ ta’ wieħed mit-timijiet li kien jilgħab miegħu, Milan fejn fi tmien snin bħala kowċ rebaħ bosta unuri fosthom darbtejn il-UEFA Champions League. Minn ma’ Milan hu ssieħeb ma’ Chelsea wara PSG, Bayern Munich, Napoli, Everton u Real Madrid fejn hawnhekk f’żewġ esperjenzi separati ħalla l-aktar impatt bl-ammont ta’ unuri li rebaħ.