Għawdex Lokali

Gozo Pops & Rocks 2025: Ċelebrazzjoni ta’ mużika, kultura u komunità f’Għawdex

Tħabbar il-programm ta’ Gozo Pops & Rocks 2025, mimli b’diversi avvenimenti li jsawru programm kulturali dinamiku li jġib flimkien it-talent, il-kreattività u l-ispirtu komunitarju tal-gżira Għawdxija.

Bejn it-23 ta’ Mejju u l-14 ta’ Ġunju 2025, Għawdex se jinbidel f’arena vivaċi ta’ arti u mużika, b’attivitajiet varjati li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Pops & Rocks se tinkludi numru ta’ spettakli ewlenin fosthom Leone Goes Pop, Rockastra u Big Band Adventures. Il-Festa tal-Għasel, li se ssir fil-Ġonna tal-Villa Rundle, se tkompli tesponi r-rabta bejn Għawdex u l-għasel, industrija li tmur lura sekli sħaħ. Fl-Experimental Farm, ix-Xewkija se tittella’ l-attività Furry Tails & Farm Trails u l-avveniment tant mistenni Lejl Imkebbes, b’dawl u spettaklu fiċ-Ċittadella, jerġa’ joħloq atmosfera maġika li tfakkarna fil-ġmiel storiku u kulturali ta’ dan is-sit ikoniku. Dawn l-attivitajiet jgħaqqdu t-tradizzjoni mal-innovazzjoni u jagħmlu minn Għawdex punt ta’ referenza fil-qasam kulturali.