Dan huwa l-post fejn Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata nhar it-Tnejn 16 ta’ Ottubru tal-2017 permezz ta’ karozza bomba.
L-Imħallef, il-ġurati, l-akkużati, u l-avukati tagħhom ittieħdu fil-post fejn seħħ id-delitt, u fil-post li l-imputati allegatament marru wara l-esekuzzjoni tal-pjan li kellhom.
Fil-21 jum tal-ġuri li għaddej b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-qtil tal-avukat Carmel Chricop, żewġ akkużati; Jamie Vella u Robert Agius, wieħed mill-aħwa Maksar ittieħdu fil-postijiet li huma żaru wara li wettqu l-qtil makabru tal-ġurnalista fil-Bidnija.

Vince Muscat, li huwa x-xhud prinċipali tal-prosekuzzjoni f’dan il-każ, spjega lill-ġurati l-passi kollha li ħadu hu flimkien mal-aħwa Degiorgo fil-ġranet li wasslu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hekk kif kienu huma li segwewa qabel ma’ splodiet il-bomba.
L-aċċess beda propju fil-post fejn twettaq id-delitt – fil-Bidnija, fejn il-ġurati semgħu r-rendikont ta’ dak li ġara, qabel u anke wara li splodiet il-bomba qattiela.
Mbagħad, ittieħdu fil-Vantage Point – għalqa fil-Bidnija li jidher li kien il-post li minnu kienet qed tiġi segwita l-ġurnalista. L-istess post li nstab ukoll sigarett li ġie mpejjep minn Alfred Degiorgio – ħu George Degiorgio.

Wara l-Bidnija, l-ġuri flimkien mal-Imħallef u l-akkużati, imxew lejn it-Tinda tal-Patata fil-Marsa. Tinda li hija magħrufa bħala l-post li kienu jiltaqgħu l-imputati sabiex isir il-pjan tal-assasinju filwaqt li serva wkoll bħala store għall-bomba. Minn din it-tinda kienu wkoll ġew arrestati numru ta’ persuni li kellhom xjaqsmu mad-delitt fosthom George Degiorgo u ħuħ Alfred flimkien ma’ Vince Muscat “il-Koħħu”.

Bl-aħħar post li jżuru l-ġurati jkun il-garaxx fin-Naxxar – il-garaxx li fih saret il-bomba qattiela li ħalliet lil Daphne Caruana Galizia mejta fil-Bidnija.
Kien nhar it-Tnejn 16 ta’ Ottubru tal-2017 meta għall-ħabta tat-3pm splodiet il-bomba li tpoġġiet taħt il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija..bir-riżultat illi l-ġurnalista tilfet ħajjitha bl-aktar mod makabru.
Sa issa, qed jiskontaw sentenza ta’ priġunerija b’rabta ma’ dan id-delitt George u Alfred Degiorgio flimkien ma’ Vince Muscat. Filwaqt li l-aħwa maksar, Robert u Adrian Agius, Yorgen Fenech u anke Jamie Vella qed jgħaddu ġuri b’rabta ma’ dan l-assassinju makabru li seħħ kważi 8 snin ilu.
//= $special ?>