Il-quddiesa tal-ordinazzjoni ta’ tliet saċerdoti ġodda – Fr Matthew Sammut, Fr Johann Bugeja SDB u Fr Shawn Wong, tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna u saret dalgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Il-konċelebranti kienu jinkludu n-Nunzju Appostoliku Savio Hon Tai-Fai, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, il-Provinċjal tas-Salesjani f’Malta Fr Eric Cachia SDB, u għadd ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjużi.

Ispirat mill-frażi fl-Evanġelju ‘jsejħulhom ballut tas-sewwa mħawla mill-Mulej għal foħritu’, l-Arċisqof Charles Scicluna qabbel lis-saċerdoti l-ġodda ma’ siġar tal-ballut li Alla issa qed jitlobhom biex dejjem jagħtu “frott tas-sewwa; qatt tad-dnewwa. Li tingħataw lill-poplu ta’ Alla, biex fis-sħana qawwija tax-xemx tagħtuh id-dell; u meta jkun il-maltemp tagħtuh il-kenn. Kunu sinjal li jmerukom, u tibżgħux, għax il-Mulej qed jagħtikom il-qawwa u l-umiltà tiegħu”.

Żied jgħid: “Il-foħrija tal-Mulej tidher, meta intom tingħataw lilu b’qalb safja, immarkati bl-ubbidjenza, b’disponibbiltà totali lejn il-poplu ta’ Alla. Qisu li kull kelma, kull ħsieb, kull imġiba tagħkom, ikunu mmarkati mix-xewqa li tgħixu fl-intenzjoni retta; li tagħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla għax il-glorja tal-bnedmin hi fiergħa, tgħaddi bħalma jgħaddi s-sħab, u kultant iġġib xi sajjetta jew tnejn.”
Fi tmiem il-quddiesa l-Arċisqof stieden lill-miġemgħa ssellem u titlob għall-Papa Ljun XIV, li għada jibda uffiċjalment il-pontifikat tieghu.
//= $special ?>